Lokali Parlament

Mużiċisti mhedda biex ma jdoqqux f’kunċert b’tifkira ta’ Daphne Caruana Galizia

– Karl Gouder, PN

Id-deputat Nazzjonalista Karl Gouder ikkundanna theddid li sar fuq numru ta’ mużiċisti li kienu se jieħdu sehem f’kunċert ta’ tifkira għall-ġurnalista maqtula Daphne Caruana Galizia.

Fl-aġġornament tal-Parlament Karl Gouder qal li ħafna nies qed jgħidu li hawn xi ħaġa ħażina fl-istat Malti. Hu kompla li kien żvelat li numru ta’ mużiċisti kienu mhedda biex ma jdoqqux f’kunċert li kien se jsir b’tifkira ta’ Daphne Caruana Galizia.

Fil-pajjiż hawn xi ħaġa ħażina ħafna. Dan kien se jkun kunċert fil-11 ta’ Novembru 2017 fejn il-mużiċisti u l-artisti kienu se jwasslu l-messaġġ tagħhom lid-dinja li f’Malta għad hawn nies ta’ rieda tajba u huma pożittivi u li l-pajjiż jieħu r-ruħ.

Hu kompla li nies fil-gvern qed jheddu lill-mużiċisti biex ma jieħdux sehem fil-kunċert u li jekk jieħdu sehem jitilfu x-xogħol taghom. Dawn huma affarijiet li jseħħu f’pajjiżi dittatorjali. Il-poplu mhux se jaqta’ qalbu għaliex il-pajjiż għandu jkun simbolu tal-valuri Ewropej. Il-kunċert se jkun wieħed li jippromwovi l-għaqda bla ebda konnessjoni politika. Il-kunċert kien se jkun wieħed paċifiku.

Karl Gouder qal li l-persuni ta’ rieda tajba jrid jaħdem biex issir ġustizzja, biex l-istituzzjonijiet jaħdmu kif suppost.

Hu qal li l-ġenerazzjonijiet ta’ qabel ħadmu biex il-pajjiż ikun tal-aqwa kwalità u biex dak li seħħ qabel l-1987 ma jerġax iseħħ. Il-pajjiż jinsab fi stat tal-biki bil-qtil ta’ Daphne. Ħadd mhu qed jgħid li l-gvern qatilha iżda l-fatt li xi ħadd iħossu komdu li jwettaq dan l-assassinju, hu sinifikattiv. Fil-pajjiż hawn xi ħaġa ħażina ħafna bl-ewwel responsabbiltà taqa’ fuq il-gvern u fuq il-politiċi.

Dan hu mument li fih in-nies ta’ rieda tajba jqumu u jitkellmu. Ma jistax ikun li n-nies ta’ rieda tajba jibżgħu jitkellmu. Hu qal li l-pajjiż sejjer tajjeb propju għax il-gvern mhu jagħmel xejn u għax il-pajjiżi tal-madwar kollha sejrin tajjeb. Karl Gouder qal li seba’ ġimgħat qabel tibda l-Valletta 18, il-gvern qed imur għand l-artisti u jheddidom li jekm jieħdu sehem f’kunċert paċifiku b’messaġġ pożittiv u jheddidhom li jitilfu l-impjieg tagħhom.

Karl Gouder appella lid-deputati u lill-poplu Malti biex ma jibżgħux għaliex wara l-polu hemm id-deputati li jridu jaraw lill-pajjiż jmxi ‘l quddiem biex ikun assigurat li fil-pajjiż terġa’ ssaltan is-saltna tad-dritt.