Fl-okkażjoni tal-Jum Dinji għat-Tmiem tal-Impunitá kontra r-Reati fil-konfront tal-Ġurnalisti kif iddikjarat mill-UNESCO, l-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin iħoss li għandu jġib għall-attenzjoni din il-ġurnata fl-isfond tal-ewwel każ ta’ qtil ta’ ġurnalista li kellna f’pajjiżna nhar is-16 ta’ Ottubru li għadda.
L-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin jinnota d-dikjarazzjonijiet li saru mill-awtoritajiet konċernati fl-aħħar ġimagħtejn dwar il-ħidma li qiegħda ssir biex min hu responsabbli u kompliċi fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia jitressaq quddiem il-ġustizzja.
Konxju mill-fatt li madwar id-dinja huma biss 10 fil-mija biss tal-każi ta’ delitti fil-konfront ta’ ġurnalisti li jispiċċaw quddiem il-ġustizzja, l-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin iħeġġeġ lill-awtoritajiet investigattivi biex iżommu kuntatt regolari mal-midja dwar l-iżviluppi li jkunu qegħdin iseħħu fl-investigazzjonijiet b’rabta ma’ dan l-assassinju. Dan għandu jsir bla ma jkun hemm xi forma ta’ xkiel għall-kors tal-investigazzjonijiet f’dan il-każ partikolari.
L-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin appella wkoll lill-awtoritajiet konċernti biex jibdew diskussjonijiet dwar l-importanza li tkun assigurata s-sigurtá tal-ġurnalisti fil-qadi tal-professjoni tagħhom u dwar il-possibiltá ta’ kif tista’ titħaddem sistema ta’ protezzjoni għall-ġurnalisti partikolarment dawk li jkunu qegħdin jiġu mhedda jew ġew mhedda.
Fl-aħħar u mhux lanqas, l-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin qiegħed jieħu l-inizjattiva biex b’mod immedjat jibda jiġi reġistrat uffiċjalment kull forma ta’ theddida jew aggressivitá fil-konfront tal-ġurnalisti. Għaldaqstant l-appell huwa biex kull ġurnalist li jisfa’ mhedded jew aggredit, inkella jħossu li ġie mxekkel mill-qadi ta’ dmirijietu, għandu minnufih jagħmel rapport lill-Pulizija u r-rapport ikun reġistrat ukoll mal-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin.
L-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin qiegħed jingħaqad f’tislima nazzjonali li se tkun qed tingħata għada l-Ġimgħa, fil-jum li se jsir il-funeral tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Jum bħal dan, għandu jqawwi lill-ġurnalisti biex bil-pinna tagħhom ikomplu jwettqu ħidma li ma tagħrafx biża’.
//= $special ?>