Il-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, ħeġġeġ biex tingħata l-piena tal-mewt lill-immigrant mill-Użbekistan li hu akkużat li qatel tmien persuni wara li saq trakk għal fuqhom fil-belt ta’ New York.
L-azzjoni terroristika seħħet tard fil-lejl tat-Tlieta, bl-aggressur, Sayfullo Saipov, jispiċċa l-isptar taħt arrest wara li spiċċa midrub minn tiri li sparalu pulizija. Saipov, wara, qal lill-investigaturi li ħa l-ispirazzjoni ‘minn filmati tal-ISIS’ u li, fil-fatt, kien ilu sena jippjana dan l-attakk faħxi fi New York.
Intant, il-President Trump bagħat messaġġ fuq Twitter fejn qal li ‘it-terrorista ta’ New York (Saipov) deher ferħan meta talab biex jitħalla jdendel il-bandiera tal-ISIS fil-kamra tal-isptar fejn qed jinżamm’. Il-messaġġ kompla li ‘it-terrorista qatel tmien persuni u ħalla 12 feruti u, għaldaqstant, ħaqqu jingħata l-piena kapitali’.
Il-President Trump, madankollu, iddeċieda kontra li Saipov jinżamm fi priġunerija fil-kumpless tal-Bajja ta’ Guantanamo, wara li hu, qabel, kien qed jikkunsidra dan il-pass. Jidher li Trump ħasibha mod ieħor minħabba li, f’dan il-każ, il-proċess minn lat ta’ statistika jdum aktar milli kieku kellu jgħaddi mis-sistema Federali.
Sayfullo Saipov hu akkużat, fost oħrajn, b’li pprovda l-appoġġ u r-riżorsi għal organizzazzjoni ta’ terroristi barranija – speċifikament l-ISIS – kif ukoll dwar reat vjolenti li fih spikkaw l-imwiet ta’ tmien persuni u l-qerda ta’ vetturi.
Skont l-Aġent Avukat ta’ Manhattan, Joon Kim, l-ewwel reat iġorr piena massima ta’ għomor priġunerija, waqt li t-tieni reat ifisser li Saipov ikun eliġibbli għall-piena kapitali f’każ li jinstab ħati u jekk il-Gvern Amerikan jiddeċiedi li jippersisti għas-sentenza tal-mewt. Il-mandat ta’ akkuża speċifika jista’, ‘il quddiem, jinkludi akkużi ‘addizzjonali jew differenti’.
L-Ewropa għaddiet minn attakki terroristiċi simili fejn it-trakkijiet u vetturi kbar oħra ntużaw bħala armi fuq in-nies. L-attakki partikulari spikkaw, fl-aħħar xhur, fi Spanja, Franza u l-Ġermanja fejn irriżultaw għexieren ta’ mejtin u midruba.
Sadanittant, Sayfullo Saipov qal lill-awtoritajiet li hu, fit-22 ta’ Ottubru , kien kera trakk bl-intenzjoni li jwettaq ‘prova qabel l-attakk proprju’. U waqt l-interrogazzjoni tiegħu fl-isptar, it-terrorista sostna li ‘hu qed iħossu tajjeb dwar dak li rnexxielu jwettaq.’
//= $special ?>


