F’jum ta’ luttu nazzjonali, b’tislima, xierqa għal Daphne Caruana Galizia, kampjun tal-liberta’ tal-espressjoni, kull diskors politiku jsir sekondarju. Għalhekk li, llum, il-ħsibijiet tiegħi niddedikhom lil din il-ġurnalista li għax fittxet il-verita’, għalqulha ħalqa, billi qatluha. Illum hu jum ta’ luttu nazzjonali, iżda llum għandu jkun il-jum li pajjiżna jinbidel mill-qiegħ. Il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia xegħel pajjiż u dallam id-demokrazija, u l-liberta’ tal-espressjoni.
Dan qalu l-kandidat għall-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista, għall-affarijiet tal-partit, Robert Arrigo f’messaġġ lill-media.
Robert Arrigo spjega kif, mill-qtil brutali ta’ Caruana Galizia, jeħtieġ li pajjiżna jwettaq bidliet, mill-qiegħ, fil-mod ta’ kif jaħseb, u jġib ruħu.
L-intolleranza; l-ossessjoni għall-flus u l-poter; l-indħil politiku fil-ħidma tal-istituzzjonijiet, suppost, ħielsa; dawn kollha jridu jitwarrbu biex jinbidlu f’pajjiż ħieles, tolleranti u b’istituzzjonijiet ħielsa u b’saħħithom.
Fuq kollox jeħtieġ nifhmu, darba għal dejjem, li l-liberta’ tal-espressjoni mhix lussu, jew privileġġ, imma dritt bażiku f’demokrazija, qal Arrigo.
Arrigo qal li minkejja li għaddew kważi tlett ġimgħat mill-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, u minkejja protesti minn eluf ta’ ċittadini Maltin, li qed isejħu għar-riżenji tal-Kummissarju tal-Pulizija u tal-Avukat Ġenerali, l-gvern baqa’ jirrifjuta li jilqa’ t-talbiet ta’ min hu onest u jrid il-ġustizzja.
Dan hu l-atteġġjament li ħoloq il-kultura li fiha, l-kriminali, nkluż dawk li qatlu lil Daphne, sabu refuġju u l-liċenzja li jagħmlu li jridu, qal Robert Arrigo.
Lil Daphne Caruana Galizia nsellmulha, u nirringrazzjawha tal-ħidma, ma taqta’ xejn, fit-tfittxija għall-verita’ u l-ġustizzja. Nitolbuha maħfra fejn inqasniha u ħallejniha waħedha. Il-Kandidat għall-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-affarijiet tal-partit Robert Arrigo sostna li kull wieħed u wahda minnha fid-dover li dak li bdiet Daphne, nkompluh.
//= $special ?>