Il-Preżenza tiegħi hawnhekk hija messaġġ ċar, irridu investigazzjoni sħiħa dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Sostna dan il-President tal-Parlament Ewropew Antonio Tajani f’laqgħa li kellu mal-ġurnalisti wara l-funeral li sar fir-Rotunda tal-Mosta.
Il-Laqgħa saret fl-uffiċini ta’ The Malta Independent, il-gazzetta li kienet taħdem għaliha fl-aħħar 13-il sena. Għal-laqgħa kienu mistiedna edituri minn diversi gazzetti u newsroom lokali.

Antonio Tajani fil-messaġġ tiegħu sostna li rridu nkunu nafu isem il-qattiel u min bagħatu. Tajani qal li ma rridux inkunu nafu biss isem il-qattiel, imma wkoll “isem ommu u missieru, iġifiri min iddeċieda li jsir dan il-qtil.
Żied jgħid li rridu nkunu nafu jekk dawn jinsabux Malta jew barra minn Malta. Għalhekk qal Tajani għandna bżonn investigazzjoni internazzjonali. Sostna li din għandha ssir mill-aktar fis għal ġid ta’ Malta.
Sostna li Malta qatt mhu se tkun waħidha u spjega kif ġimgħatejn oħra se jsir dibattitu dwar is-saltna tad-dritt f’Malta u se ssir investigazzjoni dwar is-sitwazzjoni f’Malta mill-Parlament Ewropew.
Tajani qal ukoll li dakinhar se tkun inawgurata s-sala tal-konferenzi li se tissemma għal Daphne Caruana Galizia u għal dan il-għan se jistieden mill-ġdid il-familja ta’ Daphne Caruana Galizia.

//= $special ?>




