Fis-sagħtejn ta’ waranofsinhar ingħata bidu għall-aħħar tislima lil Daphne Caruana Galizia fil-knisja tal-Mosta – il-ġurnalista li nqatlet b’karozza bomba nhar is-16 ta’ Ottubru fil-Bidnija.
Il-funeral mhux se jixxandar live fuq talba tal-familja fuq l-ebda stazzjon, madanakollu wieħed jista’ jsegwi aġġornamenti kontinwi fuq Net Television mill-Mosta.
Aktar kmieni, Net News irrapporta dwar l-omelija tal-Arċisqof Charles Scicluna:
Il-quddiesa ġiet ikkonċelebrata mill-Arċisqof ta’ Malta Mons Charles J Scicluna, fejn fl-omelija stqarr: “F’Alla biss il-mistrieħ ta’ ruħi.” Dawn il-kliem mis-Salm 62 jesprimu l-fidi tal-Knisja u tan-Nisrani quddiem il-misteru tremend tal-mewt. Il-preżenza tagħna hawnhekk illum hija espressjoni tal-istess fidi. “Nemmen fil-qawma mill-imwiet, fil-ħajja ta’ dejjem. Ammen.”
L-Arċisqof tenna li nġbarna llum biex noffru s-sagrifiċċju tal-Quddiesa b’suffraġju ta’ Daphne Caruana Galizia. Il-talb tal-Knisja huwa mwieżen minn realiżmu kbir dwar il-kundizzjoni umana. Kull wieħed u waħda minna jersaq kuljum lejn il-mewt ta’ bniedem li hu, bil-preġji u d-difetti tiegħu. Tgħodd għalina lkoll it-talba ħerqana ta’ San Ġorġ Preca: “Ħenn għalija qabel tiġġudikani.” Aħna u nitolbu lil Alla biex jagħti l-mistrieħ ta’ dejjem lil Daphne, nitolbu wkoll biex iħenn għaliha. Fil-ħajja ta’ kull bniedem tiġġedded b’mod drammatiku t-taqtigħa bejn it-tajjeb u l-ħażin li dwarha smajna fit-Tieni Qari mill-Ktieb tal-Apokalissi: “Imbagħad qamet gwerra fis-sema: Mikiel u l-anġli tiegħu jitqabdu mad-Dragun.” Ir-rebħa tat-tajjeb fuq il-ħażin hija dejjem imfissra fl-isem tal-Arkanġlu: Mikiel – ‘min hu bħal Alla?’. L-għadu tat-tajjeb, “id-Dragun”, “id-Demonju u x-Xitan” huwa mfisser bħala “il-qarrieq tad-dinja kollha”, “Dak li jixlu ’l ħutna”. Huwa wkoll imsejjeħ, “Missier il-Gidba” u “Qattiel”.
L-Arċisqof tenn jgħid: “Għeżież ġurnalisti, aħna għandna bżonnkom. Għandna bżonnkom ħielsa, intelliġenti, inkwiżittivi, onesti, sereni u protetti”. Kompla billi ta messaġġ lill-familjari: “Lil ulied Daphne, Matthew, Andrew u Paul, nixtieq inwassal messaġġ partikolari ta’ kuraġġ. Illum tafu li l-mamà tagħkom kellha użanza li meta tkun barra minn Malta u żżur xi knisja, kienet tixgħel xemgħa għal kull wieħed minnkom: it-talba silenzjuża ta’ omm għal uliedha. Ftakru fil-kliem tal-Evanġelju li qrajna llum: “Min jagħmel is-sewwa jersaq lejn id-dawl.” L-għażiża mamà tagħkom mietet mewta krudili minn id moħbija ta’ xi ħadd li ħabb id-dlam aktar mid-dawl għax l-għemil
tiegħu kien ħażin. Qisu li tkunu wlied id-dawl”.
“Lil ħuti Maltin ngħidilhom biex nibżgħu għal xulxin. Jalla jieqaf id-diskors iebes li permezz tiegħu niddemonizzaw lil xulxin u niddisprezzaw lil xulxin. Jalla ngawdu l-libertà vera u l-prosperità fis-solidarjetà. Ħares Mulej lil din l-art ħelwa. “Ħares, Mulej, kif dejjem int ħarist”, temm jgħid l-Arċisqof Charles Scicluna.
Preżenti għal dan il-funeral hemm il-President tal-Parlament Ewropew Antonio Tajani. Preżenti wkoll hemm il-President Emeritus Eddie Fenech Adami, flimkien mal-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi.
Aktar kmieni, Net Television kien live b’xandira qabel ingħata bidu għall-funeral:
Illum ukoll qed jiġi osservat jum ta’ luttu nazzjonali. Filfatt binjiet pubbliċi, fosthom l-uffiċċju tal-Prim Ministru f’Kastilja qed itajru l-bnadar ta’ Malta kollha mezz’asta. Kienet inizzjattiva tal-ġudikatura li din il-ġimgħa ħabbret li llum kienet se tagħlaq kmieni u tiftaħ biss f’każijiet urġenti
//= $special ?>