Formula 1 Sport

Il-Formula 1 tista’ tinbidel b’din id-deċiżjoni

Parti miċ-ċirkwit ta' Monaco

Iċ-chairman ta’ Ferrari Sergio Marchionne wissa li l-Ferrari jistgħu jitilqu mill-Formula 1 jekk is-sidien il-ġodda jieħdu l-isport f’direzzjoni differenti minn fejn iridu jmorru t-tim Taljan. Marchionne qal li filwaqt li hu favur il-miżuri biex jitnaqqsu l-ispejjeż, hemm kwistjonijiet strateġiċi oħra fid-diskussjoni li jistgħu jisfurzaw lil Ferrari jikkunsidraw itellqu x’imkien ieħor.

“Il-Formula 1 hu parti mid-DNA mill-ewwel ġurnata tagħna. Imma jekk nibdlu d-direzzjoni tant li ma nibqgħux nagħrfuha, ma rridx nieħu sehem aktar,” qal iċ-chairman ta’ Ferrari. Mistoqsi kif iħossu kieku jkun il-Kap Eżekuttiv li ħareġ il-Ferrari mill-Formula 1, Marchionne wieġeb li hu kieku jaħdem fuq strateġija alternattiva biex jipprova u jibdel b’mod razzjonali.

Ferrari huma l-uniku tim li ilhom fil-Formula 1 mill-ewwel Kampjonat tad-Dinja fl-1950, u hu l-aktar tim ta’ suċċess, anki jekk ilhom ma jirbħu kampjonat mill-2008. B’kollox huma rebħu 228 tiġrija, 16-il kampjonat tal-kostrutturi u 15-il kampjonat tas-sewwieqa.

Il-Grand Prix ta’ Monaco u l-Ferrari huma ż-żewġ pilastri tas-suċċess tal-isport, u d-dħul mill-ishma li għandhom jirrifletti din ir-rabta speċjali. Din is-sena, Ferrari qed jiċċelebraw is-70 sena anniversarju, bl-ewwel karozzi jsiru taħt il-fundatur Enzo Ferrari, u huma sors ta’ kburija fl-Italja.

Il-Formula 1 ilha b’sidien ġodda minn Jannar, bl-Amerikani Liberty Media jieħu d-drittijiet kummerċjali u jaqilgħu lil Bernie Ecclestone mill-kariga. Meta jiskadi l-ftehim mat-timijiet fl-2020, Liberty jridu li jkun hemm bilanċ fid-dħul tat-timijiet.

Il-proposti għal magni ġodda, orħos u aktar sempliċi kienu preżentati f’Pariġi t-Tlieta, u ftit jiem oħra se jkun hemm laqgħa oħra tal-Grupp Strateġiku tal-isport biex jiddiskutu tibdil ieħor. “Liberty għandhom numru ta’ intenzjonijiet tajbin, waħda partikolari li jnaqqsu l-ispejjeż għal tim li naħseb li hi tajba,” qal Marchionne.

Iżda hu qal li l-Ferrari u l-Liberty Media jidhru li mhux qed jaqblu fuq it-termini tal-iżvilupp strateġiku wara l-2020. Marchionne qal li deħlin għal-laqgħa t-Tlieta li ġej bl-aħjar intenzjonijiet u jaraw fejn imorru. Hu kompla jgħid li qed jattendi l-laqgħa fuq l-istrateġija għaliex sostna li hu importanti għax jgħodd ħafna għan-negozju tagħhom. It-Taljan temm jgħid li l-implikazzjonijiet finanzjarji tad-deċiżjonijiet il-ħżiena huma sinifikanti għal Ferrari.