Lokali

Il-Qtil ta’ Daphne Caruana Galizia: Illum ġurnata ta’ luttu nazzjonali

Hekk kif illum isir il-funeral ta’ Daphne Caruana Galizia wara l-qtil brutali fis-16 ta’ Ottubru li għadda, illum Malta qed tosserva ġurnata ta’ luttu nazzjonali.

Filfatt binjiet pubbliċi, fosthom l-uffiċċju tal-Prim Ministru f’Kastilja illum qed itajru l-bnadar ta’ Malta kollha mezz’asta. Kienet inizzjattiva tal-ġudikatura li din il-ġimgħa ħabbret li llum kienet se tagħlaq kmieni u tiftaħ biss f’każijiet urġenti.

Il-Bnadar tal-kummissjoni ewropea fi Brussell illum qed itiru mezz’asta waqt li l-President tal-Parlament Ewropew Antonio Tajani kkonferma li se jiġi Malta biex jattendi għall-funeral ta’ Daphne Caruana Galizia.

Il-Bandiera ttellgħet mezz’asta wkoll fuq il-binja tad-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista.

Il-Funeral ta’ Daphne Caruana Galizia se jsir illum fis-2p.m. fir-Rotunda tal-Mosta u se jqaddes l-Arċisqof Charles J Scicluna. Net Television fil-ħin tal-funeral se jxandar diversi dokumentarji dwar Daphne Caruana Galizia kif ukoll se jsiru aġġornamenti speċjali tal-aħbarijiet, madanakollu l-funeral mhux se jkun imxandar live fuq l-ebda mezz tax-xandir fuq talba tal-familja ta’ Daphne Caruana Galizia.

Il-Kunsill tal-Mosta fi stqarrija sostna li t-toroq mhux se jkunu magħluqin għat-traffiku għajr għal ftit minuti x’ħin ikun għaddej il-corteo.