Internazzjonali

L-Armata Sirjana tieħu l-aħħar fortizza tal-ISIS

L-Armata tal-Gvern Sirjan irnexxielha taħtaf lura l-kontroll ta’ Deir al-Zour, li kienet l-aħħar fortizza tal-ISIS fis-Sirja.
L-aħħar rapporti qalu li din il-belt, issa, spiċċat ‘kompletament illiberata mit-terroriżmu’. Madankollu kien hemm ukoll rapporti oħra li tennew li l-Armata Sirjana u l-alleati ‘kienu qed jeliminaw l-aħħar ftit gruppi ta’ terroristi li baqgħu jirreżistu’ fl-inħawi.
Il-belt ta’ Deir al-Zour, li l-parti kbira tagħha kienet ilha mill-2014 f’idejn l-ISIS, kellha importanza strateġika kbira għat-terroristi, minħabba li tinsab qrib il-fruntiera Sirjana mal-Iraq.
L-aħħar indikazzjonijiet kienu li l-grupp tal-ISIS, issa, spiċċa ‘iżolat’ fi ftit inħawi tal-provinċja ta’ Deir al-Zour, waqt li l-qawwiet tal-Gvern Sirjan u l-ġellieda tal-Qawwiet Demokratiċi Sirjani – bl-appoġġ ta’ qawwiet tal-ajru Russi u ġellieda mal-grupp militanti Lebaniż, Hezbollah – mexxew offensivi separati f’din il-provinċja bil-ħsieb li jieħdu kontroll ta’ Albu Kamal, li hu aċċess importanti fuq il-fruntiera tal-pajjiż mal-Iraq.