Internazzjonali

L-IRAQ: ‘Esekuzzjonijiet’ ta’ mijiet ta’ ċivili taħt l-ISIS, f’Mosul

Tal-anqas 740 ċivili nqatlu ‘fi stil ta’ esekuzzjoni’ mill-militanti tal-ISIS waqt il-battalja għall-kontroll tal-belt Iraqqija ta’ Mosul.

Dan qalitu n-Nazzjonijiet Uniti fost allegazzjonijiet li l-ġiħadisti wettqu wkoll ħtif ta’ persuni fuq livell massiċċ waqt li użaw in-nies bħala tarki umani. Akkuża oħra hi dwar il-bumbardamenti fuq id-djar mill-ISIS u l-isparaturi fuq iċ-ċivili li pruvaw jaħarbu.

Zeid Raad Al Hussein, il-Kap tal-Fergħa tad-Drittijiet Umani tan-NU, qal li dawk responsabbli għall-atroċitajiet iridu jħallsu l-prezz waqt li sejjaħ ukoll biex ikunu investigati allegati abbużi min-naħa tal-qawwiet tal-Gvern Iraqi.

In-NU qalet li ’il fuq minn 460 ċivili oħra mietu b’riżultat tal-attakki mill-militar Iraqi u l-offensivi tal-ajru tal-koalizzjoni anti-ISIS immexxija mill-Istati Uniti fl-aktar fażi intensiva tal-battalja għal Mosul, li damet minn Novembru tal-2016 sa Lulju li għadda.

Inqatlu b’kollox tal-anqas 2,521 ċivili, b’aktar minn 1,700 jindarbu waqt l-operazzjoni militari fuq Mosul; dak iż-żmien fortizza ewlenija tal-ISIS. Il-qtil taċ-ċivili kien dovut l-aktar għal attakki mit-terroristi tal-ISIS, skont rapport ippubblikat mill-UN Assistance Mission for Iraq u l-Uffiċċju għall-Kummissarju tan-NU għad-Drittijiet Umani.

Issemma l-każ meta, f’Novembru tas-sena l-oħra, membri tal-ISIS f’zoni speċifiċi ta’ Mosul użaw il-loudspeakers biex iħabbru li r-residenti tal-inħawi li kienu waqgħu lura taħt il-kontroll tat-truppi Iraqqin kellhom ikunu kunsidrati bħala ‘miri leġittimi’ (għall-ISIS) minħabba li huma ‘fallew milli jirreżistu lit-truppi’.

Ir-rapport ikompli li l-ISIS sostnew kampanja ta’ attakki fuq il-Lvant ta’ Mosul ‘li kienet immirata b’mod partikulari għal ċivili’. Fost it-tattiċi tal-ISIS kien hemm il-bumbardamenti, l-użu ta’ splussivi u l-isparar fuq in-nies.

Intant, magħruf li waqt l-offensiva tal-qawwiet Iraqqin u l-koalizzjoni fuq l-ISIS fil-belt ta’ Mosul, eluf ta’ ċivili kienu suġġetti għal abbużi xokkanti kontra d-drittijiet tagħhom bħala bnedmin.