Internazzjonali

L-Unjoni Ewropea ma tintervjenix fil-kriżi tal-Katalonja

 

Il-Kummissjoni Ewropea baqgħet ma tieħux inizjattiva fil-konfront tal-kriżi kostituzzjonali fi Spanja, fejn irrifjutat li tikkummenta dwar il-priġunerija ta’ eksministri Katalani u l-arrest ippjanat tal-eks-President tal-Katalonja Carles Puigdemont.

Il-kelliema li indirizzaw konferenza fi Brussell ma riedux jikkommettu ruħhom dwar l-aħħar żviluppi fi Spanja u l-Katalonja, fejn wieġbu fil-qasir ‘u b’mod ripetittiv’ għall-varjetà ta’ mistoqsijiet relatati mal-aħħar problemi fir-reġjun problematiku.

Il-Kummissjoni Ewropea lanqas ma riedet tikkonferma jekk il-President tagħha, Jean-Claude Juncker, għandux, imqar, iqajjem il-kwistjoni tal-Katalonja meta hu iżur il-belt Spanjola ta’ Salamanca, il-ġimgħa d-dieħla.

Meta r-rappreżentanti tal-Kummissjoni kienu mitluba biex jgħidu jekk Spanja kellhiex raġun li tuża mandat għall-arrest fuq livell Ewropew fil-konfront ta’ Puigdemont ‘għal reati politiċi’, ir-rappreżentanti fi Brussell qalu biss li ‘din hi xi ħaġa għall-awtoritajiet ġudizzjarji li l-indipendenza tagħhom għandha tkun rispettata bis-sħiħ’.

Jidher ukoll li l-Kummissjoni Ewropea ma tridx tikkommetti ruħha dwar jekk hux ‘tajjeb jew ħażin’ li l-awtoritajiet Spanjoli jitfgħu l-ħabs lil tmien Ministri Katalani qabel huma kienu kundannati dwar xi reat.

Carles Puigdemont jinsab il-Belġju wara li kellu jaħrab minn Spanja biex jevita akkużi ta’ rewwixta, l-inċitament ta’ poplu u l-użu ħażin ta’ fondi pubbliċi għar-rwol tiegħu, il-ġimgħa l-oħra, fid-dikjarazzjoni tal-indipendenza għall-Katalonja.

Dan meta l-imħallef Spanjol li qed imexxi l-investigazzjoni dwar is-separatisti Katalani mistenni, minn ħin għall-ieħor, joħroġ il-Mandat għall-Arrest Ewropew (strument tal-UE) biex Puigdemont ikun imġiegħel jitla’ quddiem qorti Spanjola. Mistenni li l-ġudikatura Spanjola, ‘il quddiem, titlob lill-Belġju għall-estradizzjoni ta’ Puigdemont, li, min-naħa tiegħu, mistenni jappella f’każ li xi maġistrat Belġjan japprova din it-talba.

Membri oħra tal-eksgvern Katalan, din il-ġimgħa, irritornaw fil-Katalonja biex jiffaċċjaw l-akkużi dwar numru ta’ reati, bi tmienja minnhom jispiċċaw il-ħabs. Il-politiċi f’Barċellona, intant, tkellmu, illum, kontra l-priġunerija tal-eks-uffiċjali– fosthom l-eks Viċi-President Katalan, Oriol Junqueras —  u meta mistennija aktar protesti kbar f’din il-belt prinċipali tal-Katalonja.