Minkejja li l-Prim Ministru qed jiprova jaġixxi ta’ kollox business as usual, il-verità hi li l-qtil politiku tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia biddel ix-xenarju politiku f’pajjiżna, u ħadd ma jista’ jitratta dan iż-żmien bħala business as usual. L-Oppożizzjoni Nazzjonalista se tibqa’ tinsisti li ssir ġustizzja ma’ Daphne Caruana Galizia u li tintrefa’ r-responsabbiltà mil-Prim Ministru, mill-Avukat Ġenerali u mill-Kummissarju tal-Pulizija.
Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt laqgħa fis-Subheadquarters tal-Partit Nazzjonalista f’Ta’ Sannat. Adrian Delia tkellem dwar il-kriżi fl-istituzzjonijiet kif ukoll għall-mod kif il-Gvern qed jagħżel li jinjora t-talbiet li qed jagħmlu l-Oppożizzjoni u s-soċjetà ċivili. Fost l-oħrajn li jitneħħew il-Kummissarju tal-Pulizija u l-Avukat Ġenerali, u jintgħażlu minflokhom persuni li jkollhom l-approvazzjoni ta’ żewġ terzi tal-Parlament.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal ukoll li għandhom jibdew diskussjonijiet b’mod immedjat biex jerġgħu jibdew jissaħħu l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna, kif ukoll fakkar li fid-diskors tiegħu fil-Parlament nhar it-Tnejn li għadda, nsista mal-Gvern li fi żmien sitt xhur, jiddaħħlu liġijiet ġodda li jwasslu għat-tisħiħ tal-istituzzjonijiet.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista tkellem ukoll dwar l-importanza li l-Partit Nazzjonalista jagħti lil Għawdex u lill-Għawdxin. Hu spjega kif qed iżomm mal-kelma li ta meta ġie elett bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista – li jiltaqa’ darba fix-xahar mal-Kumitat Reġjonali għal Għawdex biex flimkien jiddiskutu x’inhuma l-isfidi li qed jiffaċċjaw l-Għawdxin, x’jistgħu jkunu s-soluzzjonijiet u kif il-Partit Nazzjonalista jista’ jkun il-katalist ta’ dawn il-bidliet li hemm bżonn.
Adrian Delia ħeġġeġ lil dawk preżenti biex is-Sibt joħorġu jivvutaw għall-elezzjoni tal-President tal-Kunsill Ġenerali kif ukoll għall-membri tal-Kumitat Eżekuttiv, kif ukoll għall-elezzjoni tas-Sibt 18 ta’ Novembru li se tara l-Partit Nazzjonalista jagħżel żewġ Viċi Kapijiet ġodda.



