L-Assoċjazzjoni tal-Pulizija ta’ Malta (MPA) talbet lill-Gvern biex jekk verament irid isaħħaħ il-Pulizija f’Malta jibda jistmahom u jindirizza l-kundizzjonijiet deksritta “medjokri” tagħhom.
Ir-reazzjoni tal-MPA ġiet wara li kkwotaw lill-Ministru għall-Intern, Michael Farrugia, jgħid li l-ftehim settorjali tal-Gvern mal-Pulizija se jsir fl-2018. L-assoċjazzjoni tal-pulizija qalet li dan ifisser li se jkollha tistenna sena oħra biex jitjiebu l-kundizzjonijiet tal-pulizija.
Il-ftehim ikopri miżuri differenti, fost l-oħrajn ħinijiet tax-xoghol aħjar għall-membri tal-Korp tal-Pulizija sabiex tiġi indirizzata l-anomalija li pulizija jaħdem 46 siegħa u jitħallas biss ta’ 40.
L-MPA irrimarkat fl-istqarrija li minn Mejju ’l hawn ma saritx laqgħa oħra mal-Gvern, għax dan tal-aħħar ħassar il-laqgħat għax il-Ministeru għall-Finanzi għadu ma approvax il-finanzi meħtieġa.
Hija żiedet tgħid li barra minn dan tħossha urtata li hi u l-union l-oħra fil-ftehim, il-Police Officers’ Union, kellha ssir taf b’dan mill-midja, u mhux billi l-Gvern infurmahom.
L-istqarrija ttemm tgħid li l-Gvern qed jabbuża minnhom, għax il-pulizija ma jistgħux jistrajkjaw, u għalhekk qed itawwal il-proċess għax jaf li ma jistgħux jieħdu azzjoni kontrieh.
//= $special ?>