Futbol Sport

Balzan jakkwistaw it-tielet rebħa konsekuttiva fl-aħħar minuti

Cain Attard jaqbeż lil Alfred Effiong (Ritratt: Domenic Aquilina)

Rapport: Keane Cutajar

BALZAN………………2

BIRKIRKARA………1

Balzan: I. Janjusevic, J. Grioli (M. Lepovic 75’), E. Serrano, A. Effiong, U. Ljbomirac, R. Fenech (M. Johnson 90’), B. Kaljevic, B. Gilio de Oliveira, P. Fenech, C. De Fiori Mendes, S. Arab (S. Bezzina 45’)

Birkirkara: D. Cassar, C. Attard, K. Żammit, L. Verone, N. Vukanac, M. Guillaumier (L. Cremona 63’), M. Andelcovic, R. Scicluna, J. Grech (R. Cammenzuli 66’), C. Da Silva, F. Montero (L. Montebello 81’)

Imwissija: K. Zammit  48’, M. Guillaumier 56’, L. Verone 58’, C. Da Silva 68’, F. Montero 70’, N. Vukanac 78’, L. Cremona 86’ (Bk) R. Fenech 71’, C. de Fiori 84’ (Bz)

Skorjaw: M. Guillaumier 43’(Bk) B. Kaljevic 84’, C. De Fiori Mendes 87’ (Bz)

Referee: Glen Tonna

Assistenti Referees: Mitchell Scerri, Ryan Aqulina

Il-Mument Plejer tal-Logħba: Ryan Scicluna (Birkirkara)

Attendenza: 469

Balzan akkwistaw it-tmien riżultat pożittiv wara li għelbu lil Birkirkara b’gowls fl-aħħar ftit minuti tal-partita.

Balzan ħarġu b’saħħithom iżda Birkirkara kibru iktar ma għadda ħin sakemm sabu gowl lejn l-aħħar tal-ewwel taqsima li tahom kuraġġ biex żammew il-qawwa ta’ Balzan sakemm forsi n-nuqqas ta’ esperjenza fit-tim karkariż deher lejn l-aħħar tal-partita meta sofrew żewġ gowls li setgħu ġew evitati.

Balzan komplew isaħħu l-pożizzjoni tagħhom fil-klassifika anke għaliex Gżira fallew li jakkwistaw it-tliet punti fil-konfront tagħhom.

L-ewwel azzjoni perikoluża marret in-naħa ta’ Balzan meta Alfred Effiong venven xutt ċentrali minn barra l-kaxxa. David Cassar dawwar f’korner. Tliet minuti wara Justin Grioli għamel l-istess bħal sieħbu. Cassar tar minn tulu u b’akrobazija reġa’ dawwar f’korner.

Hekk kif għaddew kwarta logħob, Bojan Kaljevic għeleb in-nasba tal-offside iżda l-azzjoni ma sarfet f’xejn ħlief f’goalkick Fit-22 minuta waslet l-ewwel risposta karkariża. Matthew Guillaumier għadda lejn Jake Grech li bid-dawra prova għar-rokna. Janjusevic iġġebed fl-arja u salva.

Balzan protestaw għal ‘handsball’ fil-kaxxa wara xutt ta’ Effiong man-nofs siegħa logħob. Glen Tonna ħalla l-logħob għaddej. Jake Grech reġa’ kien perikoluż sitt minuti wara. In-numru għaxra ta’ Birkirkara prova fil-baxx mil-lemin. Janjusevic kien pront niżel u dawwar f’korner.

Birkirkara marru minn fuq mat-tokki ta’ tmiem l-ewwel taqsima. Kienu protagonisti ż-żgħażagħ tat-tim ta’ Paul Zammit, Jake Grech u Matthew GUILLAUMIER li kkombinaw qabel dan tal-aħħar tefa fix-xibka. Ftit wara Balzan għal ftit ma ġabux d-draw. De Fiori Mendes bir-ras sab lil Cassar attent.

Hekk kif fetħet it-tieni taqsima Kaljevic ġie imwaqqa’ minn Zammit fuq il-ġirja. Glen Tonna saffar għal penalty fost protesti karkariżi qabel biddel fehmtu u ordna freekick favur Balzan. Mill-freekick Birkirkara biegħdu l-periklu faċilment.

Meta kien fadal tmien minuti, freekick ta’ Giglio De Oliveira għadda barra f’azzjoni rari fit-tieni taqsima. Żewġ minuti wara Balzan ġabu d-draw. Kienet ħarġa kemxejn difettuża ta’ Cassar li tat ċans lil KALJEVIC jilħaq bir-ras, bid-difensuri karkariżi ma jilħqux il-ballun.

Balzan kibru fil-kunfidenza u l-pressjoni sarfet f’gowl ieħor. DE FIORI MENDES ta r-rebħa lil Balzan tliet minuti mit-tmiem minn freekick dirett.