Il-kumpannija tal-films rinomata, Netflix, qatgħet kull rabta mal-attur Amerikan Kevin Spacey – l-istilla tas-sensiela House of Cards – wara li feġġew numru ta’ allegazzjonijiet fil-konfront ta’ Spacey rigward l-aggrediment ta’ persuni għal skop sesswali.
Id-diretturi ta’ Netflix kienu qed iħejju għal taħditiet mal-produtturi ta’ House of Cards biex jaraw jekk is-sensiela tagħhom ( li spiċċat sospiża jiem ilu) tistax tkompli mingħajr Spacey.
Sar magħruf ukoll li Netflix mhix se toħroġ il-film dwar il-famuż awtur, Gore Vidal, li l-karattru tiegħu hu interpretat mill-istess Kevin Spacey.
Il-problemi għal Kevin Spacey komplew b’rapporti li l-Pulizija fir-Renju Unit fetħu investigazzjoni dwar l-attur b’konnessjoni ma’ każ li jinvolvi allegat attakk fuq raġel b’intenzjoni sesswali. Min-naħa tiegħu, Spacey – rebbieħ tal-Oscar u diversi premijiet oħra għar-rwoli tiegħu f’numru ta’ produzzjonijiet — ikkonferma li hu jinsab għaddej minn ‘forom ta’ trattament’ waqt li jiffaċċja ż-żmien diffiċli.
//= $special ?>


