Il-Ħadd se tiġi organizzata t-tielet protesta –din id-darba n-nies se jinġabru quddiem id-Depot tal-Pulizija fil-Floriana. Il-protesta paċifika sit-in se tibda fl-erbgħa ta’ wara nofsinhar u se tkun organizzata min-Netwerk tas-Soċjeta’ Ċivili flimkien ma’ Occupy Justice – jumejn wara li l-ġurnalista Daphne Caruana Galizia ingħatat l-aħħar tislima fil-funerali li sar fil-Knisja tal-Mosta.
Matul il-protesta, se jkun hemm mużika live minn Beangrowers, Vince Fabri u Beesqueeze. Sar appell biex dawk li se jattendu għal din il-protesta paċifika jġibu magħhom kartelluni, sfafar, tnabar u xemgħat.
Skont stqarrija tas-Soċjeta’ Ċivili, jidher li l-organizzaturi qed jitolbu lill-parteċipanti fil-protesta biex jagħmlu ajruplani tal-karti, u fuqhom jiktbu l-messaġġ li jixtiequ jibgħatu lill-Kummissarju tal-Pulizija – fejn wara aktarx dawn l-istess ajruplani tal-karti se jitwaddbu minn ħdejn ir-rixtellu ta’ barra, fid-direzzjoni tad-Depot tal-Pulizija. Madanakollu, huma nsistew li din hi protesta paċifika.
In-Netwerk tas-Soċjeta’ Ċivili għadha qed tinsisti fuq it-tliet talbiet tagħha – dik tar-riżenja tal-Kummissarju tal-Pulizija, ir-riżenja tal-Avukat Ġenerali, u l-bdil fil-mod kif jinħatru – hekk kif dawn iż-żewġ karigi għandhom jiġu appuntati persuni li jgawdu l-fiduċja ta’ żewġ terzi tal-Parlament.
//= $special ?>