Lokali

Il-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta diżappuntat bil-ħidma u l-ineżistenza tal-Gwardjani Lokali fil-Belt Kapitali

Il-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta fi stqarrija nnota b’dispjaċir li l-ħidma tal-Gwardjani Lokali fil-lokalità m’hi qed tkun effettiva xejn, anzi l-preżenza tagħhom mhux qed tinħass u bl-ebda mod m’hi qed tissalvagwardja l-interessi tar-residenti u l-lokalità li jgħixu fiha.

Il-Kunsill Lokali fakkar li kemm-il darba ġibed l-attenzjoni tal-awtoritajiet konċernati dwar dan in-nuqqas iżda jidher ċar li kull osservazzjoni u lment li sar fil-passat kien injorat u dan qed iwassal għal konfużjoni akbar u bla bżonn fil-Belt Valletta.

“Wasal iż-żmien li l-awtoritajiet kompetenti jagħtu l-għajnuna kollha meħtieġa f’dan ir-rigward u jassiguraw li xogħol il-Gwardjani Lokali fil-Belt Valletta ikun effettiv u fl-aħjar interess tal-komunità kollha,” iddikjara l-Kunsill lokali li kuljum u kontinwament jirċievi lmenti dwar il-ħidma tal-Gwardjani Lokali, mhux biss mir-residenti iżda anke minn dawk li matul il-ġurnata jkunu l-Belt Valletta, kemm fuq xogħol kif ukoll għal affarijiet oħra.

Fl-isfond ta’ dan kollu il-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta qed jitlob għal azzjoni immedjata sabiex fil-Belt Valletta tirrenja l-ordni pubblika u l-ħidma tal-Gwardjani Lokali tkun kif suppost u konsistenti.

“Għalhekk, minħabba li jidher ċar li ir-riformi tal-Gwadjani Lokali li seħħew fil-passat fallew, il-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta qiegħed jappella lis-Segretarju Parlamentari sabiex il-kontrol u l-ħidma tal-Gwardjani Lokali tkun taħt il-kontrol esklussiv tal-Kunsill Lokali, għaliex hekk biss nistgħu nassiguraw li tirrenja s-saltna tad-dritt li jixtiequ kemm ir-residenti kif ukoll il-komunità kummerċjali fil-Belt Valletta, sabiex is-sitwazjoni fil-Belt Kapitali tagħna tkun qed taħdem kif suppost u fl-aħjar interess ta’ min hu ta’ rieda tajba.”