Saad al-Hariri, illum, ħabbar ir-riżenja tiegħu minn Prim Ministru tal-Libanu waqt xandira lin-nazzjon li saret mill-Arabja Sawdija, u fejn hu spjega li kien qed jibża minn kumplott kontra ħajtu. Hariri, fl-istess ħin, ma naqasx milli jikkritika lill-Iran u l-grupp Hezbollah, magħmul mill-militanti Iżlamiċi Lebaniżi, li hu alleat kbir ta’ Tehran.
Waqt id-diskors, Saad al-Hariri sostna li ‘l-poplu qiegħed jgħix fi klima simili’ għal dik li eżistiet qabel l-assassianr ta’ missieru, l-eks Prim Ministru Lebaniż, Rafik al-Hariri, li kien seħħ fi Frar tal-2005. Fl-istess ħin, Saad tenna li ‘hu induna li, bħalissa, għaddej kumplott sigriet bl-intenzjoni li hu jinqatel’.
L-aħbar tar-riżenja ta’ Hariri ħasdet lil ħafna, u, waqt id-diskors, hu tenna li ‘il-Libanu se jirnexxilha tqum fuq saqajha bħalma għamlet fil-passat’. L-istqarrija kompliet li ‘l-Iran mhux qed jirnexxilu fl-attentati tiegħu biex jindaħal fl-affarijiet tad-Dinja Għarbija’.
Saad al-Hariri kien laħaq Prim Ministru tal-Libanu tard is-sena l-oħra wara ftehim politiku li kkonferma lil Michel Aoun, alleat tal-Hezbollah, bħala l-President Lebaniż.
//= $special ?>

