L-Uffiċċju tal-Prosekutur tal-Istat fil-Belġju qal li kien qed jevalwa l-mandati għal arrest, fuq livell Ewropew, għall-eks-President tal-Katalonja, Carles Puigdemont u erba’ mexxejja separatisti Katalani oħra.
Puigdemont u l-erba’ eksmembri tal-Kabinett li kien imexxi marru Brussell nhar it-Tnejn wara li, fi Spanja, spiċċaw akkużati dwar kampanja għal rewwixta, inċitament tal-poplu u l-użu qarrieqi ta’ fondi pubbliċi. Huma jinsabu mixlija bħala protagonisti fid-dikjarazzjoni għall-indipendenza tal-Katalonja minn Spanja li qajjmet ferment sħiħ.
Sadanittant, l-Imħallef tal-Qorti Nazzjonali (Spanjola) Carmen Lamela ressqet talba lill-Prosekutur tal-Belġju biex jarresta lil Puigdemont u l-kollegi. Fl-istess ħin, inħarġu mandati għall-arrest separati li huma effettivi madwar l-Ewropa u li jservu bħala ‘alert lill-Interpol’ f’każ li l-eksmexxejja Katalani jaħarbu mill-Belġju.
Sadanittant, il-Qorti ewlenija ta’ Spanja rrifjutat it-talba ta’ Carles Puigdemont li jagħti x-xhieda tiegħu minn Brussell bis-sistema tal-video conference.
Kelliem għall-Prosekutur tal-Istat, fil-Belġju, qal li ‘l-mandati għall-arrest fuq livell Ewropew se jkunu analizzati b’mod xieraq qabel jgħaddu f’idejn imħallef’.
Jekk jispiċċaw arrestati mill-Pulizija Belġjana, Puigdemont u l-kollegi tiegħu jkunu jridu jitressqu quddiem imħallef f’perjodu ta’ 24 siegħa. Dan meta esperti legali fil-Belġju qed jgħidu li l-estradizzjoni tal-Katalani lejn Spanja għandha tieħu madwar 15-il jum.
Jekk, il-politiċi Katalani inkwistjoni jappellaw mill-proċess, l-estradizzjoni tista’ tieħu sa 45 jum oħra, li jfisser li huma jkollhom żmien biżżejjed biex jipparteċipaw fl-elezzjoni li l-Gvern ta’ Spanja ffissa għall-21 ta’ Diċembru fir-reġjun tal-Katalonja.
Fl-istess ħin, Puigdemont, waqt li kien qed ikellem lill-istampa Belġjana, għamilha ċara li mhux beħsiebu jaħrab mill-ġustizzja ‘għalkemm irid ikun ċert li l-awtoritajiet tal-ġustizzja li għandu jidher quddiemhom ikollhom l-intenzjonijiet ġenwini u xierqa fl-interessi tal-każ’.
Puigdemont jinsisti li jinsab lest biex jikkoopera mal-awtoritajiet tal-ġustizzja Belġjani waqt li żied li ‘jidher ċar li l-awtoritajiet tal-ġustizzja fi Spanja saru politiċizzati’.
//= $special ?>


