Internazzjonali

L-ISIS viċin ta’ aktar disfatti militari fis-Sirja

Il-qawwiet favur il-Gvern  Sirjsn, appoġġjati minn qawwiet tal-ajru Russi, illum avvanzaw fuq belt viċin il-fruntiera tas-Sirja, li għadha kontrollata mit-terroristi tal-ISIS.

L-indikazzjonijiet huma li l-ISIS riesaq lejn disfatta militari oħra wara li t-truppi Sirjani —  li tard fil-lejl tal-Ġimgħa, ħadu kontroll sħiħ tal-belt importanti ta’ Deir al-Zour — fetħu offensiva fuq l-inħawi ta’ Albu Kamal. Ir-rapporti suġġerew li l-ġellieda tal-ISIS li kienu qed jirreżistu l-attakk kienu qasmu l-fruntiera għal hemm mill-Iraq.

Sadanittant, milizzja magħmulha minn ġellieda Xiti Musulmani kienet qed tħejji biex titlaq mill-Iraq lejn is-Sirja biex tissieħeb fl-assalt fuq it-terroristi f’Albu Kamal.

L-aħħar azzjonijiet jistgħu jkunu sinifikanti fost is-sinjali li t-territorji f’idejn l-ISIS naqsu b’mod drammatiku fl-aħħar ġimgħat. Intant, Albu Kamal issemmiet bħala ‘waħda mill-aħħar fortizzi tal-ISIS’ fis-Sirja.

Filwaqt li mhux ċar kemm jista’ hemm koordinament bejn il-qawwiet tal-Gvernijiet Sirjani u Iraqqin, jidher li dawn il-qawwiet huma determinati biex ma jħallux lill-kapijiet u t-terroristi tal-ISIS jaħarbu lejn zoni remoti qalb id-deżert, meta l-hekk-imsejjaħ ‘Kalifat’ (li l-ISIS kien ħabbar snin ilu) jinsab qrib kollass totali.

 

L-ISIS, fl-2014, kien ħataf territorji sħaħ fl-Iraq u s-Sirja u fejn inforza l-aktar stil barbaru u brutali ta’ tmexxija fuq ir-residenti taz-zoni li kien qanqal kundanna unanima fost il-komunità internazzjonali.