Lokali Saħħa

L-Oppożizzjoni tinsisti li ssir Inkjesta Maġisterjali dwar il-mewt ta’ pazjent f’Monte Karmeli

Chris Fearne għandu jispjega għalfejn ħeba dan il-każ

L-aħbar li miet pazjent fl-Isptar Monte Karmeli wara li ġie nfettat bil-legionella hi ta’ tħassib kbir, meta wieħed jiftakar li l-pazjenti f’dan l-Isptar ikunu fl-aktar mumenti vulnerabbli ta’ ħajjithom. Hu ta’ tħassib ukoll il-fatt li l-Gvern għażel li jaħbi dan il-każ, u prova jaġixxi ta’ business as usual f’dan l-Isptar, minkejja li mietet persuna.

F’dan id-dawl, l-Oppożizzjoni qed tinsisti li ssir Inkjesta Maġisterjali biex jiġi stabbilit x’wassal għal din il-mewt, u biex tintrefa’ r-responsabbiltà għal dak li wassal biex miet dan il-pazjent

Stephen Spiteri l-kelliem għas-Saħħa f’isem il-PN qal li l-fatt li l-pazjent miet wara li ġie nfettat b’marda mill-ilma tal-Isptar iqajjem tħassib kbir, meta wieħed jiftakar li mill-istess ilma jagħmlu użu pazjenti oħra kif ukoll il-ħaddiema tal-istess sptar. Dan ipoġġi f’riskju lil dawn l-individwi li ta’ kuljum jużaw l-istess ilma li wassal biex pazjent miet kawża tal-legionella.

Għall-Oppożizzjoni, dan hu każ serju u li għalhekk qed tinsisti li jkunu stabbiliti l-fatti kollha. Id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne għandu jagħti spjegazzjoni għalfejn għażel li jaħbi din il-mewta, li kellha tkun il-media tiżvelaha.

Intant fi stqarrija oħra l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Psikjatrija (MAP) saħqet li f’mumenti bħal dawn għandu jkun hemm trasparenza u kommunikazzjoni xierqa bejn l-awtoritajiet u dawk kollha konċernati. Hija qalet li huma ma kienux infurmati direttament dwar din il-kwistjoni li seħħet fl-isptar min-naħa tal-Gvern u saret taf permezz tal-midja.

L-Ass. qalet li qegħda f’kuntatt dirett mal-MAM, mad-Dipartiment tas-Saħħa u l-Infection Control fl-isptar Monte Karmeli biex tkompli għaddejja s-sorveljenza xierqa biex tiġi mħarsa saħħet il-pazjent u sahhet kullmin jaħdem fl-isptar.