Rugby Sport

RITRATTI: It-tieni rebħa għat-tim Malti tar-rugby

MALTA……………..56
KROAZJA………….8

Malta: R. Apsee, D. Holliday, A. Harvey, D. Deguara, C. Cassar, L. Watts, D. Apsee, M. Davey, T. Holloway, T. Quarendon, C. Dudman, D. Busuttil, R. Holloway, J. Kirk, J. O’Brien

Kroazja: I. Miljak, M. Altamirano, L. Perlain, J. Brajkovic, Z. Galic, K. Coric, T. Grle, D. Rowe, L. Kovacic, L. Lerotic, V. Rudic, X. Deon, M. Grcic, N. Pavlovic, D. Plazibat

Referee: F. Bouzac

It-tim nazzjonali Malti kiseb it-tieni rebħa mir-Rugby Europe Conference 1 South meta b’wirja pożittiva għeleb lit-tim nazzjonali tal-Kroazja 56.8 Din ir-rebħa waslet wara li ġimgħa ilu t-tim Malti għeleb lil Bożnija 52-20.

Il-Kroati setgħu biss iżommu l-furja tat-tim fl-ewwel minuti, iżda f’nofs l-ewwel taqsima t-tim ta’ Damian Neill irnexxielu jagħmel żewġ tries fi tliet minuti biex minn hemm, il-Maltin iddominaw.

It-tim Malti mar minn fuq fl-ewwel minn penalty ta’ James O’BRIEN kmieni fil-logħba, iżda pronta kienet ir-reazzjoni tal-Kroati li ġabu d-draw minn penalty ta’ Luka KOVACIC minn qagħda ideali. It-tim Malti wieġeb bl-ewwel try tal-logħba fit-tmien minuta permezz ta’ Chris DUDMAN minn fuq ix-xellug, iżda l-conversion ma kienx skorjat.

Il-Kroazja reġgħu wieġbu mal-kwarta logħob meta huma skorjaw try minn Nikola PAVLOVIC f’azzjoni maħduma tajba fuq ix-xellug, iżda naqsu li jagħmlu l-conversion biex l-iskor kien 8-8. It-tim ta’ Damian Neill irnexxielu jieħu r-riedni tal-logħba b’żewġ tries fi spazju ta’ tliet minuti. L-ewwel kien Chris DUDMAN fl-20 minuta li skorja wara li baqa’ jippersisti fuq ix-xellug, biex tliet minuti wara Robert HOLLOWAY skorja wara li baqa’ jsegwi l-ballun.

L-iskor sar 23-8 man-nofs siegħa logħob meta t-tim Malti fetaħ id-difiża tal-Kroazja u minkejja li f’xi mumenti deher li seta’ intilef il-ballun Luke WATTS irnexxielu jpoġġi l-ballun wara l-linja. Il-Maltin prattikament għalqu l-logħba erba’ minuti fuq il-ħin regolamentari tal-ewwel taqsima minn James KIRK biex James

O’BRIEN għamel l-ewwel conversion tal-logħba, bl-iskor 30-8 sa tmiem l-ewwel taqsima.

L-andament tal-logħba baqa’ l-istess u t-tim Malti għamel try ieħor fit-52 minuta minn fuq il-lemin iżda għal darba oħra l-conversion ma sarx. L-iskor kompla jikber fit-63 minuta bi try ta’ Thomas HOLLOWAY minn pożizzjoni ċentrali biex James O’BRIEN ma kellux problemi li jagħmel il-conversion għal skor ta’ 42-8.

Il-Maltin kienu qed jixxalaw u fis-67 minuta sar try ieħor ukoll minn pożizzjoni ċentrali biex James O’BRIEN reġa’ ma żbaljax il-conversion mill-viċin. L-iskor sar 56-8 fl-74 minuta bi try ieħor simili u b’James O’BRIEN jagħmel it-tielet conversion konsekuttiv.

Ritratti: Roberto Runza

Tags