Lokali

FILMAT: L-ewwel Kunsill Ġenerali tal-Kap tal-PN, Adrian Delia

Illum il-Kap tal-Partit Nazzjonalista u Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia ser jindirizza għall-ewwel darba l-Kunsill Ġenerali.

Kristy Debono, President tal-Kunsill Ġenerali. Fil-bidu tad-diskors tagħha, Kristy Debono wiegħdet li se tkun qed tagħmel ħilitha kollha biex tara li tkun il-vuċi għall-kunsilliera kollha li ġew eletti. Hi rringrazzjat lil dawk il-kandidati kollha li tefgħu n-nomina tagħhom għal din l-elezzjoni. Ħeġġeġ biex dawk eletti jaħdmu bla waqfien u għaliex dan huwa partit wieħed, li jofri dar politika miftuħ biex kulħadd iħossu milqugħ u jressaq l-ideat tiegħu. Kompliet tgħid li l-Partit Nazzjonalista jrid jiddeċiedi u jfassal il-politika biex pajjiżna jimxi ‘l quddiem u jsir aħjar. Dan biex fl-aħħar mill-aħħar il-Maltin jgħixu l-aħjar ħajja possibli. Żiedet tgħid li dan jista’ jsir biss billi jibnu fuq dak li diġa hemm, iżda wkoll jaħdmu fuq ideat ġodda. Qalet li l-partit għandu jkun wieħed biex jissaħħa u fl-aħħar mill-aħħar ikun Gvern alternattiv.

Kompliet tgħid li l-poplu jistenna direzzjoni minn dan il-partit u b’hekk id-dover ta’ dawk eletti huwa li jgħatu tama ġdida lil pajjiż. Bhell, hi ħeġġeġ biex dawk eletti jwarbu d-differenzi ta’ bejniethom u jaħdmu bla waqfien għas-sejħa tal-pajjiż. Fl-aħaħr, hi ħeġġet biex jiġri x’jiġri ma jonqsux lil pajjiż u jaħdmu għal dak kollu li l-pajjiż jixraqlu.

Il-Viċi Kap tal-Affarijiet Barranin, Mario De Marco. Fil-bidu tad-diskors tiegħu,  qal li jumejn wara l-qtil brutali tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, in-neputija ta’ Raymond Caruana saqsietu mistoqsija. Saqsietu jekk Raymond Caruana mietx għal xejn.  De Marco qal li fl-1987 il-Partit Nazzjonalista tela’ fil-Gvern sabiex issaltna d-demokrazija ġewwa Malta.

Wara s-16 ta’ Ottubru, meta nqatlet Daphne Caruana Galizia bl-iktar mod brutali, pajjiżna għadu maħsud b’dan il-qtil ta’ ġurnalista, bint, omm u ċittadina Maltija. Dan wassal għal kollass assolut tal-istituzzjonijiet Maltin. Jgħid li dan wassal għal klima ta’ immunità ta’ kriminalità ġewwa pajjiżna. Isaqqsi kif pajjiżna wasal s’hawn, sitwazzjoni fejn ħadd m’għad għandu fiduċja fil-kummissarju tal-Pulizija. Hu semma l-ħasil tal-flus f’Kastilja iżda l-ebda pulizija ma mexxa ebda akkużi kontra dawn in-nies.

Mario De Marco kompla jgħid li l-awtoritajiet ta’ pajjiżna m’għad għandhom awtoritajiet fuq ħadd. Jirrikonixxi l-fatt li l-midja internazzjonali qiegħda tibki s-saltna tad-dritt ġewwa pajjiżna iżda l-Gvern għadu jaħdem bħas-soltu, qisu ma ġara xejn. Dan meta Malta spiċċat Stat Mafjuż. Żied jgħid li hu jixtieq jirrispondi għat-tweġibijiet li qed iweġġgħu lil poplu Malti. Mill-ewwel ġurnata tal-Gvern immexxi minn Joseph Muscat, l-istituzzjonijiet ġew imdgħajfa b’mod intenzjonati mill-Prim Ministru ta’ issa.

De Marco jgħid li l-Partit Nazzjonalista ilu erba’ snin jitkellem dwar il-korruzzjoni u nuqqas ta’ trasparenza ġewwa pajjiżna. Żied jgħid li l-għajta għal governanza tajba hija relevanti iktar minn qatt qabel u jħeġġeġ biex jaħdmu bla nifs għal dak li l-Partit dejjem emmen fih. F’dan il-mumenti diffiċli, De Marco qal li m’hemmx mod ġdid jew mod qadim ta’ politika iżda qal li hemm biss mod wieħed, dak ta’ mod tajjeb għall-politika. Ifakkar li jrid ikun hemm politika ta’ onestà u tas-sewwa. Politika li ma taqta’ qalbek qatt, dik il-politika immexxija mil-Partit Nazzjonalista fil-passat.

Jirrikonixxi li dan huwa żmien ta’ kuraġġ. Pajjiżna qiegħed isejħilna u din se tkun ir-risposta tal-poplu Malti kollu. Hu jwiegħed li mhux se jabbanduna lil pajjiż u lil Partit Nazzjonalista f’dan il-mument ta’ bżonn. Hu se jkun l-ewwel wieħed li lest jiġġilied għal dan il-Partit li tant tant nies bagħtew biex ikun il-Partit ta’ kulħadd. Jemmen li pajjiżna jixraqlu ħafna aħjar u lest li jgħati saħtu biex iġib il-Partit u l-pajjiż ‘il quddiem. Il-pajjiż għandu bżonn oppożizzjoni b’saħħitha biex jaffaċċja d-diffikultajiet u l-ħmieġ li jinsab fih il-pajjiż minħabba l-Gvern preżenti. Jgħid li aktar ma jidgħajef il-Partit Nazzjonalista, iktar jissaħħaħ il-Gvern korrot. Sostna li Joseph Muscat huwa diġa b’saħtu hekk kif ħa taħt idejh l-istituzzjonijiet u b’hekk l-Oppożizzjoni għandu jaħdem biex dan ma jibqax iseħħ.

It-traġedji li seħħew f’dawn l-aħħar snin juru li wieħed għandu jieqaf u jaħseb x’irridu minn dan il-pajjiż. Mario De Marco qal li għandhom jibdew billi jindirizzaw il-mistoqsijiet tal-poplu Malti sabiex il-futur ikun l-aqwa possibli. M’huwiex pież faċli u minħabba dan kulħadd għandu jerfa’ dan kollu flimkien. It-tiġdied fil-ħsibijiet għandhom jibgħu fl-istess direzzjonijiet sabiex il-valuri tal-Partit Nazzjonalista jibqgħu dawk li huma. Għandhom jaħdmu f’sens ta’ għaqda u meta jitkellem il-Partit, jitkellem f’isem kulħadd. Iħeġġeġ għal għaqda reġonali.

Fakkar li l-Partit għandu jaħdem biex pajjiżna joħroġ minn salib it-toroq. Kull wieħed u waħda minnhom għandhom ikunu l-gwida biex dan iseħħ u biex Raymond Caruana u Daphne Caruana Galizia ma jkunux mietu għal xejn. Fl-aħħar hu jfakkar fl-aħħar mass meeting fejn il-Partit reġa’ ta’ tama lil Malta. Jemmen li s-sewwa fl-aħħar mill-aħħar għad jirbaħ. Iħeġġeġ biex ikomplu jaħdmu għal dak li jemmnu fih. Mario De Marco spiċċa billi ndirizza lil Kap tal-Patit Nazzjonalista, Adrian Delia, fejn qallu li l-mazz issa jinsab f’idejh u iħeġġu biex imexxi lil-Partit Nazzjonalista ‘l quddiem biex fl-aħħar mill-aħħar jaslu għall-konkluzjoni li l-Partit ħadem għalih. Indirizza wkoll dawk eletti fil-Kumitat Eżekuttiva tal-PN fejn qallhom li kulħadd għandu jaħdem mal-Kap tal-PN u jgħati id biex dan iseħħ.

Paula Mifsud Bonnici qalet li hija kburija li bħala President tal-Kunsill Ġenerali kienet parti mill-mixja politika tal-Partit Nazzjonalista. Minkejja t-telfa li ġarrab il-PN, hija saħħet il-konvinzjoni li l-Partit Nazzjonalista kien, għadu u jibqa’ l-akbar partit f’pajjiżna.

Mifsud Bonnici qalet li qiegħda fil-politika mhux għax twieldet fil-PN, iżda għax temmen f’dawk l-aktar prinċipji bażiċi u importanti, dak li huwa sewwa. Hija temmen fl-integrità, l-onestà, ir-rispett u d-dinjità ta’ kull persuna, il-valuri u l-prinċipji li dejjew sawwru dan il-Partit.

Il-lealtà lejn il-Partit Nazzjonalista hija tant kbira li mhix se ttemm ħidmietha għax laħaq dak u mhux l- ieħor. Il-mixja tagħha tispiċċa meta il-PN jinża dawn il-valuri tant importanti li jiddistingwuh mill-PL.

Il-fatt li reġgħet ġiet eletta ifisser li n-nies fdaw lill-Paula f’dak li tirrapreżenta, mingħajr ma tħares lejn wiċċ ħadd. Biex il-PN jibqa’ sinonimu ma’ dak li huwa sewwa, il-PN irid jibqa’ sinonimu mal-libertà, id-demokrazija u l-ġustizzja.

“We have hit the rock bottom.” L-ikrollar tas-saltna tad-dritt u d-demokrazija ġew inkurunati bil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Dan ma kienx iseħħ li kieku kull min kellu jwettaq xogħlu, dan għamlu sewwa. Min kellu jipproteġi, falla u għalhekk, id-diċenza kienet titlob li l-Kummissarju jirriżenja, liema diċenza lanqas saqfet f’wiċċ pajjiżna. Fallew l-isttuzzjonijiet. AG u Pol. Comm. Ħmistax qabel Il-Prim Imħallef wissa li fallew l-istituzzjonijiet, fallew dawk li jirregolaw, fallew l-Avukat Ġenerali u l-Kummissarju tal-Pulizija.

Hija qalet li ħadd mhu qed jagħmel xejn biex jiddefendina minn persuni mhux affidabbli, minn persuni kriminali. Morna lura 30 sena fi stat li l-kriminal iħossu komdu jagħmel dawl l-atti barbari għax min suppost qed iħarisna, dan qed idawwar wiċċu n-naħa l-oħra.

Quddiem it-tifrik tad-demokrazija u l-kollass tas-saltna tad-dritt, il-PN għandu ħafna x’jagħmel, għandu obligu li jkun partit tas-sewwa, li jemmen fl-inklussività, fl-ugwaljanza u fl-abbiltajiet ta’ kull persuna, li jirrazprezenta lil kull persuna f’kull saff tas-soċjetà. Jeħtieġ li jkollna ġustizzja soċjali u l-infrastruttura għandha tippermetti liż-żgħir iqum fuq saqajh.

Billi il-Partit Laburista reġa’ rebaħ l-Elezzjoni Ġenerali, dan ma jfissirx li l-ħażin isir tajjeb. Paula Mifsud Bonnici tisħaq li mhix se tippermetti lill-Gvern idgħajjef il-fibra morali tant li dak li hu korrott ma jsirx tajjeb. Il-PN jeħtieġ jirranġa l-iżbalji sabiex il-poplu ma jsibux  dgħajjef.

Hija rringrazzjat lit-tmexxija preċedenti li magħhom ħadmet għal dawk l-aħħar 8 snin, snin li hija fihom tgħallmet ħafna mingħand il-kunsilliera. Għalkemm mhux dejjem qablu, trid tara li l-istess rispett kbir li kien hemm bejn it-tmexxija uxxenti għandu jinżamm lejn il-Kap il-ġdid Adrian Delia għall-ġid tal-Partit sabiex jibqa’ miexi ’l quddiem.  Ħidmietha se tissokta mingħajr pompożità, għajjat u tisbit biex tkun ta’ servizz għall-Partit li tant tgħożż.

Rosette Thake, Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista. Fl-aħħar diskors tagħha fil-Kunsill Ġenerali bħala  semmiet kif il-Partit Nazzjonalista għandu l-kuraġġ u l-ħila biex joffri mill-ġdid tama għal dawk in-nies li jħossuhom diżillużi fil-politika Maltija. Dan hu possibbli li jsir bil-Kumitat Eżekuttiv mibdul u b’Kunsill Ġenerali li issa għandu President ġdid.

Filwaqt li rringrazzjat lil dawk kollha li ħadmet magħhom matul dawn l-aħħar sentejn u nofs li kienet tokkupa l-kariga ta’ Segretarju Ġenerali, Rosette Thake semmiet li l-Partit Nazzjonalista jrid ikun denju sabiex l-elettorat iserraħ rasu li m’hemm xejn moħbi wara dak li jintqal biex b’hekk il-PN mhux biex isir partit alternattiv iżda joffru pajjiż alernattiv għax il-PN jaf li gvern ifisser responsabilità u mhux poter.   Għalhekk, il-PN, bi sfida u dover, isir art soda f’nofs ibħra mqallbin.

Waqt il-Kunsill Ġenerali li kellu t-tema Ġustizzja, Sigurtà, Libertà, Thake irreferiet għax-xahar t’Ottubru bħala xahar trasformattiv għall-Partit Nazzjonalista, xahar li ħasad mhux biss il-ħajja ta’ Daphne Caruana Galizia iżda ħasad ukoll lis-soċjetà Maltija. Rosette Thake żiedet tgħid li għal dan kollu, ir-risposta tan-nies kienet reżistenza, kuraġġ u solidarjetà għaliex il-mewta ta’ Caruana Galizia wasslet sentiment qawwi ta’ frustrazzjoni, ta’ rabja u ta’ sfiduċja. Hi sostniet li dan l-assassinju huwa trawma nazzjonali għaliex inqatlet punt ta’ referiment u nkixef il-kolass t’istituzzjonijiet Maltin kif ukoll l-identità ta’ pajjiżna.

Thake sostniet ukoll li dan kollu ġab diżorjentament politiku għaliex f’dan il-mument il-Gvern baqa’ jirriklama ekonomija li tifjorixxi. Dan meta fost oħrajn, l-indipendenza u l-kultura Maltija mgħadhomx bħal qabel. Għalhekk, l-isfida tal-Partit Nazzjonalista hija importanti iktar minn qatt qabel għax il-Partit irid iservi lin-nies, irid ikun kapaċi jgħaġen l-ispirazzjonijiet tas-soċjetà biex pajjiżna jkun wieħed ġust.

Fl-isfond ta’ dan, is-Segretarju Ġenerali semmiet kif il-Partit Nazzjonalista għandu jara għalxiex qed tikber il-faxxa ta’ nies li ma jridux jafu iktar b’dan il-Partit, li jrid ikun verament qrib tan-nies. Hawnhekk irreferiet għat-turnout tal-aħħar elezzjoni ġenerali li kien ta’ 92%. Filwaqt li kien turnout sabiħ, dan il-persentaġġ juri li l-poplu Malti jieħu l-vot bis-serjetà. Minkejja dan, dan ma jgħid xejn dwar in-nuqqas ta’ fiduċja fil-partiti politiċi.

Matul id-diskors tagħha, Rosette Thake rrreferiet ukoll għall-editorjali u l-midja soċjali li minn mindu beda l-proċess ta’ tibdil fi ħdan il-Partit Nazzjonalista, poġġew lil dan il-Partit fiċ-ċentru tad-diskussjonijiet, tant li kien suġġett relevanti għas-soċjetà Maltija. Hi żiedet tgħid li dan kollu biddel il-klima politika Maltija u qanqal kummenti li ħolqu xkiel u uġigħ għal min imexxi l-Partit. Għaldaqstant, Thake sosniet li l-Partit Nazzjonalista jrid iħares iktar fil-fond u jara x’tifsira għandu dan sa meta jintemm il-proċess ta’ tibdil għaliex in-nies iridu li l-Partit Nazzjonalista jissaħħaħ u jirrifletti l-interessi tagħhom sabiex jinbena partit politiku serju. B’hekk, il-Partit Nazzjonalista ma jkunx biss aħjar mill-Partit Laburista iżda jkun Partit xieraq biżżejjed għan-nies li jitolbu standards ferm ogħla minn hekk għaliex il-PN irid jofffri pajjiż alternattiv li jwassal għal vera serenità, li joffri ċans ieħor għal politika serja.

Dr. George Vital Zammit. Permezz tat-tema magħżula fil-Kunsill Ġenerali, “Ġustizzja, Sigurtà, Libertà”, tema komuni ma’ tas-snin tmenin, il-Partit Nazzjonalista għaraf il-pertinenza ta’ dan il-mument. Għalkemm in-nuqqas ta’ ħolqien ta’ xogħol  mhijiex daqshekk problema,  illum qed jerġa’  jintefa’ dawl ikrah fuq in-nuqqas ta’ sigurtà.

Il-kelliem mistieden fil-Kunsill Ġenerali, Dr. George Vital Zammit, Viċi-Dekan tal-Fakultà tal-Ekonomija, Management u Accountancy fl-Università ta’ Malta, qal li l-Partit Nazzjonalista f’dan l-istadju politiku jeħtieġ iħares lejn 3 passaġġi taż-żmien, minn ġej, fejn qiegħed u fejn sejjer.

Minn fejn ġej

Għat-8 ta’ filgħaxija tas-16 ta’ Marzu 1983, fi Triq Hookham Frère, il-Pietà,  George Bonello Depuis kien se jiftaħ sensiela ta’ wirjiet bit-tema ‘Partit Popolari u Progressiv’ iżda ftit qabel il-ftuħ tagħha, il-Pulizija waslu fil-post biex jissekwestraw dak kollu esebit. L-interventi u l-protesti li saru lill-Kummissarju minn għadd ta’ esponenti Nazzjonalist ma wasslu għal xejn konkret. Il-PN prova jtella’ din il-wirja f’għadd ta’ postijiet iżda l-Pulizija dejjem kienet pronta biex tħarbet il-preparamenti.

Din il-wirja kienet ta’ theddida dak iż-żminijiet għax kienet qed tfassal il-viżjoni politika għall-Malta. Li kieku kellu l-għażla li jbiddel isem il-Partit Nazzjonalisti, Eddie Fenech Adami kien isemmieh il-Partit Popolari għax l-għan tal-popolariżmu hija l-ħidma għall-ġid komuni tas-soċjetà.  Il-kelliem mistieden qal li l-partit jeħtieġ jixpruna lis-soċjetà f’armonija, f’sens ta’ rispett u komunità fost il-Maltin. Dak iż-żmien, il-Partit Nazzjonalista kien progressiv fil-viżjoni politika li jsieħeb lill-Malta fl-Unjoni Ewropea.

B’referenza għall-ħsibijiet ta’ Voltaire, barra d-difiża tal-libertà tal-espressjoni, huwa appella lill-kunsilliera fuq l-obbligu politiku u morali li jħaddnu dan id-dritt fl-istess Partit, anki jekk wieħed ma jaqbilx ma’ dak li jkun. Huwa imperattiv li jiġġeldu l-ideat u dan is-sentiment ta’ tolleranza għandu jiġi trażmess fl-istrutturi tal-Partit.

Fejn qiegħed

Għalkemm huwa żmien diffiċli kemm għall-pajjiż u għall-partit, Vital Zammit jara l-prezent bħala works in progress. Il-partit li kellu sehem ewlieni fit-tnaqqix ewlieni ta’ pajjiżna, qed iġedded lin-nies, ’il-metodi u ’l-ideat. Għalkemm l-elettorat għażel lill-Partit Nazzjonalista fl-Oppożizzjoni, huwa qal li l-partit huwa xorta protagonist u relevant politikament.

Għalkemm maħsudin b’għadd ta’ verdetti elettorali riċenti, wieħed għandu jevalwa l-punti elenkati fir-rapport tat-telfa tal-2013. Huwa appella biex jintemm il-protagoniżmu fil-partit u toktor il-kolleġġjalità fost il-kunsilliera tal-Partit Nazzjonalista.

Fejn sejjer

Dr. George Vital Zammit jisħaq li l-Partit għandu jirbaħ il-qlub u l-imħuħ tan-nies biex jirbaħ il-fiduċja tal-poplu. Għalkemm m’hemmx xi formola li trebħek elezzjoni ġenerali, il-Partit jeħtieġ ikollu l-galbu, anki fi żmien 10 snin jekk jista’ jkun, sabiex jara r-riżultati mixtieqa. It-tiġdid fl-istrutturi għandhom jirreflettu l-ispettru soċjali biex il-partit jibqa’ jattira lil kulħadd.

B’referenza għall-intervista li saret lil Giovanni Falcone qabel ma nqatel, is-sens ta’ dmir għandu jmexxi lil dak li jkun biex jissagrifika ħajtu f’kull ġlieda, fil-każ tiegħu kontra l-Mafia. Il-Partit Nazzjonalista għandu jkollu l-kuraġġ jiżmentella l-kuluri politiċi fl-interess tan-nazzjon għax il-politika hija missjoni u viżjoni. L-isfidi kbar jeħtieġu politici kbar, itemm jgħid Vital Zammit.

Il-Viċi Kap tal-Affarijiet tal-Partit, Beppe Fenech Adami. Il-Gvern Laburista ta’ Muscat sottilment qed jinsulenta lill-poplu Malti meta l-ħażin jgħidlu tajjeb, meta l-verità idawwarha f’gidba, meta jippermetti r-rgħejba tirrenja u l-kriminali jiddominaw. Hekk tenna Beppe Fenech Adami fl-aħħar diskors tiegħu bħala Viċi-Kap għall-Affarijiet tal-Partit.

Fit-tislima tiegħu lil Daphne Caruana Galizia, huwa elenka l-kuraġġ li kellha biex iġġieldet u kixfet il-korruzzjoni u l-abbużi ta’ Muscat u l-iktar gvern korrot li qatt kellha u għax kienet hi li hi, ħalset il-prezz kiefer tal-mewt.

Huwa amplifika l-messaġġ tal-Arcisqof fil-funeral tagħha billi qal li r-risposta għal min qatel u min ħalla lil Caruana Galizia tinqatel għandha tkun id-deteminazzjoni bla biża’ li tixxandar l-verità u jinkixef il-ħażin. Id-difiża sagrosanta tal-valuri tal-kontabbiltà u t-tolleranza għandhom jiggwidaw lill-Partit jieħu deċiżjonijiet għall-ġid komuni.

Hekk kif jinsab f’salib it-toroq, fil-fehma ta’ Fenech Adami, il-Partit irid joħroġ determinat jiddefendi s-sewwa u s-solidarjetà, u jiġġieled il-populiżmu, ir-rgħejba għall-flus u l-poter sabiex jirrendi relevanti għall-poplu Malti. Meta l-kbir isir iktar importanti miż-żgħir, l-istat ma jibqax ħanin, jagħlaq għajnejh għal kull tip ta’ tixħim biex wieħed javvanza f’ħajtu. Il-partit u, fuq kollox, il-pajjiż jeħtieġ jgħożż is-saltna tad-dritt sabiex meta wieħed jinqabad b’kumpanija l-Panama, il-Pulizija tinvestigak. Pajjiżna jistħoqqlu kummissjarju li ma jkunx pupazz f’idejn il-Prim Ministru.

Fenech Adami temm id-diskors tiegħu billi rringrazzja lil Simon Busuttil u lit-tmexxija uxxenti talli tellqu kollox biex setgħu jagħtu ħinhom, xogħolhom u saħħithom għall-Partit Nazzjonalista f’dawn l-aħħar 5 snin. Radd ħajr ukoll lill-ħaddiema kollha tal-Partit għas-sagrifiċċji u l-mirakli li jagħmlu.

Il-voluntiera u t-tesserati għandhom jibqgħu jaħdmu u jemmnu fil-partit. Minkejja r-riżenja tiegħu, huwa wiegħed ħidma ikbar fil-partit u li se jkun vuċi voċifera tal-Kunsill Ġenerali fil-Parlament u kullimkien. Il-ħidma essenzjali ta’ kull wieħed jew waħda minnhom hija imperattiva sabiex tilqa’ s-sejħa tal-pajjiż għall-Partit Nazzjonalista.

Qabel bdew id-diskorsi, il-President ġdida tal-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, Kristy Debono ressqet mozzjoni ta’ kundanna dwar il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Dan hekk kif dan wassal biex indifen is-saltna tad-dritt. Kompliet tgħid li taħt it-tmexxija ta’ Joseph Muscat, wasalna f’stat li min qatel lil Caruana Galizia, sab istituzzjonijiet dgħajfa li ġew imdgħajfa mill-Prim Ministru nnifsu.

Il-proposta, imressqa mill-Kap Adrian Delia u sekondata minn Rosette Thake, għaddiet b’mod unanimu.

Dan kollu fl-isfond tal-elezzjonijiet għall-kariga ta’ President tal-Kunsill Ġenerali u tal-Kumitat Eżekuttiv tal-PN li seħħew matul il-ġurnata tas-Sibt.