Lokali

“Dan huwa żmien ta’ kuraġġ” – Mario De Marco, Viċi Kap tal-PN

Fil-bidu tad-diskors tiegħu, il-Viċi Kap tal-Affarijiet Barranin, Mario De Marco qal li jumejn wara l-qtil brutali tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, in-neputija ta’ Raymond Caruana saqsietu mistoqsija. Saqsietu jekk Raymond Caruana mietx għal xejn.  De Marco qal li fl-1987 il-Partit Nazzjonalista tela’ fil-Gvern sabiex issaltna d-demokrazija ġewwa Malta.

Wara s-16 ta’ Ottubru, meta nqatlet Daphne Caruana Galizia bl-iktar mod brutali, pajjiżna għadu maħsud b’dan il-qtil ta’ ġurnalista, bint, omm u ċittadina Maltija. Dan wassal għal kollass assolut tal-istituzzjonijiet Maltin. Jgħid li dan wassal għal klima ta’ immunità ta’ kriminalità ġewwa pajjiżna. Isaqqsi kif pajjiżna wasal s’hawn, sitwazzjoni fejn ħadd m’għad għandu fiduċja fil-kummissarju tal-Pulizija. Hu semma l-ħasil tal-flus f’Kastilja iżda l-ebda pulizija ma mexxa ebda akkużi kontra dawn in-nies.

Mario De Marco kompla jgħid li l-awtoritajiet ta’ pajjiżna m’għad għandhom awtoritajiet fuq ħadd. Jirrikonixxi l-fatt li l-midja internazzjonali qiegħda tibki s-saltna tad-dritt ġewwa pajjiżna iżda l-Gvern għadu jaħdem bħas-soltu, qisu ma ġara xejn. Dan meta Malta spiċċat Stat Mafjuż. Żied jgħid li hu jixtieq jirrispondi għat-tweġibijiet li qed iweġġgħu lil poplu Malti. Mill-ewwel ġurnata tal-Gvern immexxi minn Joseph Muscat, l-istituzzjonijiet ġew imdgħajfa b’mod intenzjonati mill-Prim Ministru ta’ issa.

De Marco jgħid li l-Partit Nazzjonalista ilu erba’ snin jitkellem dwar il-korruzzjoni u nuqqas ta’ trasparenza ġewwa pajjiżna. Żied jgħid li l-għajta għal governanza tajba hija relevanti iktar minn qatt qabel u jħeġġeġ biex jaħdmu bla nifs għal dak li l-Partit dejjem emmen fih. F’dan il-mumenti diffiċli, De Marco qal li m’hemmx mod ġdid jew mod qadim ta’ politika iżda qal li hemm biss mod wieħed, dak ta’ mod tajjeb għall-politika. Ifakkar li jrid ikun hemm politika ta’ onestà u tas-sewwa. Politika li ma taqta’ qalbek qatt, dik il-politika immexxija mil-Partit Nazzjonalista fil-passat.

Jirrikonixxi li dan huwa żmien ta’ kuraġġ. Pajjiżna qiegħed isejħilna u din se tkun ir-risposta tal-poplu Malti kollu. Hu jwiegħed li mhux se jabbanduna lil pajjiż u lil Partit Nazzjonalista f’dan il-mument ta’ bżonn. Hu se jkun l-ewwel wieħed li lest jiġġilied għal dan il-Partit li tant tant nies bagħtew biex ikun il-Partit ta’ kulħadd. Jemmen li pajjiżna jixraqlu ħafna aħjar u lest li jgħati saħtu biex iġib il-Partit u l-pajjiż ‘il quddiem. Il-pajjiż għandu bżonn oppożizzjoni b’saħħitha biex jaffaċċja d-diffikultajiet u l-ħmieġ li jinsab fih il-pajjiż minħabba l-Gvern preżenti. Jgħid li aktar ma jidgħajef il-Partit Nazzjonalista, iktar jissaħħaħ il-Gvern korrot. Sostna li Joseph Muscat huwa diġa b’saħtu hekk kif ħa taħt idejh l-istituzzjonijiet u b’hekk l-Oppożizzjoni għandu jaħdem biex dan ma jibqax iseħħ.

It-traġedji li seħħew f’dawn l-aħħar snin juru li wieħed għandu jieqaf u jaħseb x’irridu minn dan il-pajjiż. Mario De Marco qal li għandhom jibdew billi jindirizzaw il-mistoqsijiet tal-poplu Malti sabiex il-futur ikun l-aqwa possibli. M’huwiex pież faċli u minħabba dan kulħadd għandu jerfa’ dan kollu flimkien. It-tiġdied fil-ħsibijiet għandhom jibgħu fl-istess direzzjonijiet sabiex il-valuri tal-Partit Nazzjonalista jibqgħu dawk li huma. Għandhom jaħdmu f’sens ta’ għaqda u meta jitkellem il-Partit, jitkellem f’isem kulħadd. Iħeġġeġ għal għaqda reġonali.

Fakkar li l-Partit għandu jaħdem biex pajjiżna joħroġ minn salib it-toroq. Kull wieħed u waħda minnhom għandhom ikunu l-gwida biex dan iseħħ u biex Raymond Caruana u Daphne Caruana Galizia ma jkunux mietu għal xejn. Fl-aħħar hu jfakkar fl-aħħar mass meeting fejn il-Partit reġa’ ta’ tama lil Malta. Jemmen li s-sewwa fl-aħħar mill-aħħar għad jirbaħ. Iħeġġeġ biex ikomplu jaħdmu għal dak li jemmnu fih. Mario De Marco spiċċa billi ndirizza lil Kap tal-Patit Nazzjonalista, Adrian Delia, fejn qallu li l-mazz issa jinsab f’idejh u iħeġġu biex imexxi lil-Partit Nazzjonalista ‘l quddiem biex fl-aħħar mill-aħħar jaslu għall-konkluzjoni li l-Partit ħadem għalih. Indirizza wkoll dawk eletti fil-Kumitat Eżekuttiva tal-PN fejn qallhom li kulħadd għandu jaħdem mal-Kap tal-PN u jgħati id biex dan iseħħ.