Formula 1 Sport

Felipe Massa se jirtira fi tmiem l-istaġun

Felipe Massa kien ingħaqad mal-Williams fl-2014

Is-sewwieq Felipe Massa kkonferma li se jkun qed jirtira mill-Formula 1 fi tmiem l-istaġun. Il-Brażiljan tal-Williams kien irtira sena ilu iżda rritorna mal-klabb meta Valtteri Bottas ingħaqad mal-Mercedes. B’hekk l-aħħar tiġrijiet ta’ Massa se jkunu f’pajjiżu l-ġimgħa d-dieħla u fis-26 ta’ Novembru f’Abu Dhabi.

“Kif kulħadd jaf, wara li ħabbar li se nirtira sena ilu, qbilt li nirritorna dan l-istaġun biex ngħin lil Williams. Għamilt erba’ snin sbieħ ma’ dan it-tim imma l-karriera tiegħi fil-Formula finalment se tintemm fi tmiem l-istaġun. Għal darba oħra, nixtieq nirringrazzja lil kulħadd tas-sapport matul iż-żmien, il-mara, missieri, il-familja kollha, il-manager Nicolas u l-ħbieb, kollegi u sponsors kollha tiegħi,” qal Massa.

Hu ngħaqad mal-Williams fl-2014 u kellu diversi tiġrijiet pożittiv, fejn kiseb l-ewwel pole position f’sitt snin fil-Grand Prix tal-Awstrija, u spiċċa fuq il-podium tliet darbiet, bl-aħħar darba tkun fl-2015 fil-Grand Prix tal-Italja.

Massa qal fil-passat li t-tmiem tal-karriera fil-Formula 1 mhux se tfisser it-tmiem tal-karriera tiegħu fis-sewqan, bil-Brażiljan deher li seta’ jikkompeti fil-Formula E meta rtira sena ilu.

Sena wara li falla t-titlu, Massa kellu inċident ikrah li seta’ waqaf jikkompeti, waqt il-provi uffiċjali għall-Grand Prix tal-Ungerija fl-2009, iżda rkupra u rnexxielu jerġa’ jikkompeti fl-istaġun ta’ wara.

Williams se jħabbru min se jieħu post Massa fil-jiem li ġejjin. Robert Kubica u Paul di Resta huma l-favoriti li jieħdu post Massa, minkejja li l-Mercedes li jagħtu l-magni lil Williams, jidher li huma interessati li jpoġġu lil Pascal Wehrlein.

Fil-karriera tiegħu, il-Brażiljan rebaħ 11-il tiġrija u kien qrib li jirbaħ il-kampjonat fl-2008. Hu spiċċa fuq il-podium 41 darba.

Il-Grand Prix ta’ Abu Dhabi mistennija tkun il-269 tiġrija ta’ Massa fil-Formula 1 minn meta għamel id-debutt mas-Sauber fl-2002, u se jtemm il-karriera bħala s-sitt l-aktar sewwieq li tellaq fl-istorja tal-Formula 1.