Lokali

“Il-PN irid jiddefendi s-sewwa u s-solidarjetà b’determinazzjoni” – Beppe Fenech Adami, Viċi Kap tal-PN

Il-Gvern Laburista ta’ Muscat sottilment qed jinsulenta lill-poplu Malti meta l-ħażin jgħidlu tajjeb, meta l-verità idawwarha f’gidba, meta jippermetti r-rgħejba tirrenja u l-kriminali jiddominaw. Hekk tenna Beppe Fenech Adami fl-aħħar diskors tiegħu bħala Viċi-Kap għall-Affarijiet tal-Partit.

Fit-tislima tiegħu lil Daphne Caruana Galizia, huwa elenka l-kuraġġ li kellha biex iġġieldet u kixfet il-korruzzjoni u l-abbużi ta’ Muscat u l-iktar gvern korrot li qatt kellha u għax kienet hi li hi, ħalset il-prezz kiefer tal-mewt.

Huwa amplifika l-messaġġ tal-Arcisqof fil-funeral tagħha billi qal li r-risposta għal min qatel u min ħalla lil Caruana Galizia tinqatel għandha tkun id-deteminazzjoni bla biża’ li tixxandar l-verità u jinkixef il-ħażin. Id-difiża sagrosanta tal-valuri tal-kontabbiltà u t-tolleranza għandhom jiggwidaw lill-Partit jieħu deċiżjonijiet għall-ġid komuni.

Hekk kif jinsab f’salib it-toroq, fil-fehma ta’ Fenech Adami, il-Partit irid joħroġ determinat jiddefendi s-sewwa u s-solidarjetà, u jiġġieled il-populiżmu, ir-rgħejba għall-flus u l-poter sabiex jirrendi relevanti għall-poplu Malti. Meta l-kbir isir iktar importanti miż-żgħir, l-istat ma jibqax ħanin, jagħlaq għajnejh għal kull tip ta’ tixħim biex wieħed javvanza f’ħajtu. Il-partit u, fuq kollox, il-pajjiż jeħtieġ jgħożż is-saltna tad-dritt sabiex meta wieħed jinqabad b’kumpanija l-Panama, il-Pulizija tinvestigak. Pajjiżna jistħoqqlu kummissjarju li ma jkunx pupazz f’idejn il-Prim Ministru.

Fenech Adami temm id-diskors tiegħu billi rringrazzja lil Simon Busuttil u lit-tmexxija uxxenti talli tellqu kollox biex setgħu jagħtu ħinhom, xogħolhom u saħħithom għall-Partit Nazzjonalista f’dawn l-aħħar 5 snin. Radd ħajr ukoll lill-ħaddiema kollha tal-Partit għas-sagrifiċċji u l-mirakli li jagħmlu.

Il-voluntiera u t-tesserati għandhom jibqgħu jaħdmu u jemmnu fil-partit. Minkejja r-riżenja tiegħu, huwa wiegħed ħidma ikbar fil-partit u li se jkun vuċi voċifera tal-Kunsill Ġenerali fil-Parlament u kullimkien. Il-ħidma essenzjali ta’ kull wieħed jew waħda minnhom hija imperattiva sabiex tilqa’ s-sejħa tal-pajjiż għall-Partit Nazzjonalista.