Lokali

Illejla ser tingħalaq Triq il-Kanun, f’Santa Venera

Ilejla fit-20:00, kuntrattur ta’ Transport Malta se jibda jaqla’ wiċċ Triq il-Kanun Santa Venera, biex wara jsirilha wieħed ġdid.

Ix-xogħol se jibqa’ għaddej sal-05:00 ta’ filgħodu u t-triq tinfetaħ matul il-ġurnata biex ix-xogħol jerġa jkompli matul il-lejl ta’ wara.  Għada, għal darb’oħra, partijiet mit-triq se jkunu magħluqa bejn it-20:00 u l-05:00 ta’ filgħodu.

Għaldaqstant mhux se jkun hemm aċċess għall-vetturi kollha, inklużi dawk tat-trasport pubbliku, minn naħa tal-kwartieri tal-Bank of Valletta waqt li jkunu għaddejjin ix-xogħlijiet.  Partijiet oħra tat-triq jingħalqu skont l-esiġenza tax-xogħol.

Filwaqt li skużaw ruħhom tal-inkonvejent, Transport Malta appellaw lis-sewwieqa biex isibu rotot alternattivi, isegwu s-sinjali temporanji tat-traffiku u jsuqu bil-galbu.