Ir-responsabbiltà f’dan il-mument storiku hija kbira. Il-Partit Nazzjonalista se jkun aktar minn qatt qabel l-aktar partit rilevanti f’pajjiżna. Jien mhux se nibża’, jien se nibqa’ hawn. Se nibqa’ hawn għax huwa d-dmir tiegħi li nibqa’ hawn. Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia meta kien qed jindirizza l-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista bit-tema ‘Ġustizzja. Sigurtà. Libertà.’
Adrian Delia qal li minkejja li l-Gvern qal li ppreżenta l-aħjar budget li qatt kellu pajjiżna, għall-poplu, dan kollu huwa rrelevanti għaliex qed jaraw li hemm affarijiet aktar importanti jiġu mnaqqra: il-ġustizzja, is-sigurtà, u l-libertà. Il-Partit Laburista fil-Gvern ġabna f’sitwazzjoni fejn kulħadd jissuspetta f’xulxin u l-barranin jissuspettaw f’pajjiżna, qal Adrian Delia. Għalhekk huwa qal li se jżid id-determinazzjoni tiegħu biex il-Partit Nazzjonalista joffri t-tama li l-poplu tagħna tant jeħtieġ. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li huwa jħoss li, f’dan il-mument storiku, huwa għandu d-dover li jiġġieled aktar minn qatt qabel għas-sewwa f’pajjiżna.
Salib it-toroq għall-pajjiżna
Adrian Delia qal li llum m’aħniex ngħixu f’pajjiż normali għaliex minkejja li hawn il-ġid madwarna, m’hawnx is-serħan tal-moħħ. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia qiegħed jhedded li jarmi għal kollox il-ġlieda għas-sewwa li pajjiżna għamel għal tletin sena sħaħ.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-assassinju li seħħ tliet ġimgħat ilu ixxokkja lil kulħadd u qal li f’dawn l-aħħar erba’ snin il-poplu kien illuppjat. Adrian Delia qal li l-flus fil-pajjiż huwa loppju li l-Gvern irid jgħammixna bih.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista fakkar kif meta tletin sena ilu naqas ix-xogħol kulħadd ħass it-theddida fuq il-ġustizzja u l-libertà. Iżda llum, minħabba li hemm biżżejjed xogħol, kompla Adrian Delia, in-nies kienu għadhom mhux qed jirrealiżżaw bit-tnawwir tal-libertà u l-ġustizzja. Bil-kriżi enormi fis-sigurtà, tenna Adrian Delia, il-poplu issa qed jinduna li minkejja dak kollu li jgħid il-Gvern, il-ġustizzja u l-libertà qegħdin taħt attakk.
Adrian Delia sellem lis-soċjetà ċivili u qal li grazzi għall-ħidma tagħhom, aktar nies issa qegħdin jirrealizzaw dak li l-Partit Nazzjonalista ilu erba’ snin jgħid: li dan il-pajjiż m’huwiex normali. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista fakkar kif il-Gvern dam ikaxkar saqajh erbat ijiem sħaħ sakemm kellu jammetti li s-sitwazzjoni hija waħda gravi.
Kollass tal-istituzzjonijiet
Filwaqt li l-istituzzjonijiet qiegħdin jikkrollaw wieħed wara l-ieħor, qal Adrian Delia, il-Prim Ministru mehdi jbiegħ il-passaporti barra minn Malta. Adrian Delia qal li l-Partit Nazzjonalista qed jitlob biex minnufih jitneħħa l-Kummissarju tal-Pulizija u tintalab ir-riżenja tal-Avukat Ġenerali. Huwa qal li wara li l-Gvern stess irrikonoxxa li s-sitwazzjoni hija kritika f’pajjiżna, issa l-Prim Ministru għandu responsabbiltà ikbar biex jagħmel xi ħaġa.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-Avukat Ġenerali huwa obbligat bil-Kostituzzjoni li jaġixxi iżda huwa, minflok, abdika mir-responsabbiltà. Dan rendieh xejn aktar minn pupazz tal-Gvern, tenna Adrian Delia. Bl-istess mod, huwa qal li l-Kummissarju tal-Pulizija qiegħed hemm biss biex jgħatti għall-Gvern u l-pożizzjoni tiegħu mhijiex tenibbli.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li pajjiżna jistenna li l-awtoritajiet jgħamlu ġustizzja ma’ Daphne Caruana Galizia iżda qal li n-nies ukoll jistgħu jagħmlu l-biċċa tagħhom billi, minflok jisktu, iqumu u jsemmgħu leħinhom għad-demokrazija u l-libertà.
Mument ta’ sfidi għall-pajjiżna
Il-Partit Nazzjonalista huwa l-partit tal-valuri u kien dejjem kapaċi jgħaraf liema huma l-bżonnijiet vera tal-poplu tagħna. Adrian Delia fakkar kif kull għażla li għamel il-Partit Nazzjonalista kienet dejjem waħda kuraġġuża u li biddlet lil pajjiżna għall-aħjar.
Adrian Delia qal li l-Partit Nazzjonalista dejjem fehem li ċ-ċavetta għal-libertà hija l-edukazzjoni. Iżda l-Gvern Laburista ma jridx jinvesti fin-nies u llum qed naraw l-ikbar kriżi fledukazzjoni li qatt kellna f’pajjiżna.
Adrian Delia qal li l-poplu Malti għandu l-kapaċità li fl-agħar żminijiet jiġi flimkien u jqum sabiex jiġġieled għal dak li huwa sewwa. Huwa qal li llum pajjiżna jinsab f’salib it-toroq u aktar nies qed iħossu l-bżonn li jqumu u jgħidu li ma jridux li l-affarijiet jibqgħu sejrin b’dan il-mod.
Partit Nazzjonalista jiġġedded għall-pajjiż aħjar
Il-Partit Nazzjonalista f’dan il-mument għandu r-responsabbiltà li jħares fih innifsu, qal Adrian Delia. Huwa qal li dan il-proċess ta’ tiġdid irid isir b’sinċerità iżda fuq kollox irid isir b’għan komuni. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-interess tal-pajjiż jitlob li l-Partit Nazzjonalista jkun magħqud u ffukat għaliex il-membri tal-partit huma l-ewwel u qabel kollox ulied il-pajjiż. Adrian Delia qal li jekk ma jkunx il-Partit Nazzjonalista li jqum, ma jkun ħadd.
Adrian Delia qal li kien il-Partit Nazzjonalista li rrivoluzzjona lil pajjiżna biex żviluppa l-ekonomija li għandna llum. Iżda l-Gvern qed jinqeda b’dawn is-suċċessi biex jixtri lil kollox u lil kulħadd, qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista. Adrian Delia qal li iżda l-Gvern jiżbalja jekk jaħseb li l-Partit Nazzjonalista wkoll għandu prezz, għaliex dan mhux se jinxtara jew joħloq dejn morali mal-pajjiż.
Adrian Delia qal li l-politika b’mod ġdid tfisser li l-ġlidiet il-kbar għall-prinċipji jiġu tradotti fil-konkret għan-nies. Huwa qal li l-Partit Nazzjonalista irid ifiehem b’mod partikolari lil dawk li qed ibatu minn inġustizzja soċjali, kif qed taffettwahom id-direzzjoni ħażina tal-Gvern. Adrian Delia qal li l-Partit Nazzjonalista se jkun il-vuċi taż-żgħir.





