Il-gazzetta il-mument illum żvelat li ftit tas-snin ilu, l-awtoritajiet Amerikani permezz tal-Federal Bureau ofInvestigation (FBI) riedu li Louise Dalli u Claire Gauci Borda, ulied l-eks-Kummissarju Ewropew u eks-Ministru tal-Finanzi John Dalli, ikunu arrestati u estraditi lejn l-Istati Uniti biex jiffaċċjaw sensiela ta’ akkużi dwar ħasil ta’ flus quddiem qrati hemmhekk.
Dakinhar l-FBI kienet talbet lill-Pulizija Maltija li hi kellha provi biżżejjed biex Louise Dalli u Claire Gauci Borda jiffaċċjaw il-ġustizzja fl-Istati Uniti wara li ċerti reati saru fit-territorju Amerikan, fosthom meta l-istess John Dalli u bintu Louise Dalli kienu fotografati jiltaqgħu ma’ Mary Swan fl-2012 f’lokal fil-Bahamas.
Il-mument tirraporta li madankollu, il-Pulizija Maltija kienet oġġezzjonat għal dan għaliex argumentat li x-xogħol kollu ta’ investigazzjoni kien sar f’Malta mill-Pulizija Maltija stess u għalhekk Louise Dalli u Claire Gauci Borda kienu se jitressqu l-Qorti f’Malta stess.

Dan kollu seħħ aktar minn sentejn ilu u qed jinqanqlu mistoqsijiet għaliex l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali Peter Grech kien kaxkar saqajh daqstant biex se jkun biss issa li Louise Dalli u Claire Gauci Borda jitressqu l-Qorti b’sempliċi taħrika u mhux taħt arrest kif ġeneralment isir is-soltu.
Mary Swan hija wieħed mill-imħuħ ewlenin wara l-operat ta’ ħasil ta’ flus minn grupp limitat ta’ persuni li issa se jitressqu l-Qorti u jkunu akkużati bi frodi, miżapproprjazzjoni ta’ fondi, li għamlu stqarrijiet u dikjarazzjonijiet foloz lill-awtoritajiet pubbliċi, li ffalsifikaw dokumenti u li għamlu użu minn dawn l-istess dokumenti foloz.

Il-laqgħa partikulari fil-Bahamas, u vjaġġi lejn il-Bahamas mill-eks-Kummissarju John Dalli kienu investigati mill-OLAF, li hi l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea kontra l-Frodi.
Fost l-akkużi prinċipali li mistennija jitniżżlu fil-konfront ta’ Louise Dalli u Claire Gauci Borda hemm li kienu jużaw il-karigi li kienu jokkupaw f’diversi kumpaniji biex jinħaslu flejjes kbar li kienu jafu li ġejjin minn proprjetajiet mixtrija bi flus korrotti.
Louise Dalli u Claire se jkunu mixlija wkoll li ppruvaw jaħbu d-dettalji ta’ minn fejn kienu ġejjin il-flus maħmuġin.
Jirriżulta li l-flus maħsula kienu ġejjin minn attività partikulari fi skema bl-isem ‘Ponzi’ li permezz tagħha bosta kienu dawk li spiċċaw imqarrqa u migduma, l-aktar investituri ta’ ċerta età.
Sorsi li tkellmu ma’ il-mument fissru li f’dan l-operat qed jissemmew ukoll żewġ kumpaniji – Tyre Ltd u Corporate Group li inċidentalment huma wkoll kumpaniji rreġistrati fl-indirizz li John Dalli kien juża fil-kumpless Portomaso. F’dak l-indirizz partikulari kemm Louise Dalli kif ukoll Claire Gauci Borda jidher li kellhom ishma jew kienu jokkupaw il-kariga ta’ diretturi fil-kumpaniji msemmija.
Is-somma li qed tissemma f’dan iċ-ċirku ta’ ħasil ta’ flus hi ta’ madwar $600,000. Dan ifisser li l-investituri flimkien allegatament investew din is-somma qawwija ta’ mijiet ta’ eluf ta’ dollari. Jirriżulta wkoll li dawn il-flus kienu jitpoġġew f’kont ta’ bank Malti li juża l-Corporate Group.
//= $special ?>