Dawk li nhar il-Ħamis waranofsinhar kienu fid-Dipartiment tal-Emerġenza jew fl-inħawi setgħu josservaw kif fil-kuritur tal-Pedjatrija kien hemm għal darba oħra numru ta’ sodod b’pazjenti fihom. Żvelat dan il-gazzetta il-mument.
Għal darba oħra, dan jikkuntrasta bil-kbir ma’ dak li jiftaħar bih Chris Fearne, id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa, li jiċħad li pazjenti jingħataw il-kura fil-kurituri tal-Isptar Mater Dei jew għaliex id-Dipartiment tal-Emerġenza jkun mimli daqs bajda jew inkella għaliex fil-kumplament tas-swali f’Mater Dei ma jkunx hemm spazju immedjat għall-pazjenti.
Sorsi li tkellmu ma’ il-mument qalu li spiss min kien imexxi s-swali fl-Isptar Mater Dei ssirlu pressjoni kbira mill-Bed Management biex ‘jeħles’ mill-pazjenti mill-aktar fis u hekk l-istess pazjenti jkomplu jieħdu l-kura li jkollhom bżonn fir-residenzi privati tagħhom.
Għal darba oħra, min tkellem ma’ il-mument qal li nhar il-Ħamis filgħaxija wera ruħu diżgustat hekk kif għadd ta’ pazjenti kienu fil-kuritur tal-Pedjatrija mixħuta fuq sodod sakemm jinstabulhom sodod permanenti f’xi sala.
Dan kollu waqt li mill-istess kurituri jkunu għaddejjin pazjenti oħrajn, qraba tagħhom, ħaddiema u anki viżitaturi. “Ma kien hemm privatezza ta’ xejn. Ġeneralment pazjenti anzjani jistennew waqt l-aktar mumenti vulnerabbli u dgħajfa tagħhom. Dan hu t-trattament li jiftaħar bih il-Ministru tas-Saħħa?,” staqsa wieħed mis-sorsi tagħna.
Il-verità hi li dawn il-kriżijiet ta’ sodod u spazji fis-swali fl-Istpar Mater Dei donnhom saru aktar frekwenti. “Kull erbat ijiem l-Isptar Mater Dei jintlaqat minn kriżi serja ta’ nuqqas ta’ sodod bir-riżultat li għadd ta’ pazjenti spiċċaw rikoverati jew jistennew f’kurituri minflok fi swali.”
Is-sitwazzjoni reali ta’ nuqqas ta’ sodod fl-Isptar Mater Dei qed tikkaġuna ħafna tbatija fost il-pazjenti li jkunu kostretti jinżammu fuq sodod temporanji fil-kurituri fejn ma jkollhom l-ebda benefiċċju ta’ privatezza.
//= $special ?>