Permezz tat-tema magħżula fil-Kunsill Ġenerali, “Ġustizzja, Sigurtà, Libertà”, tema komuni ma’ tas-snin tmenin, il-Partit Nazzjonalista għaraf il-pertinenza ta’ dan il-mument. Għalkemm in-nuqqas ta’ ħolqien ta’ xogħol mhijiex daqshekk problema, illum qed jerġa’ jintefa’ dawl ikrah fuq in-nuqqas ta’ sigurtà.
Il-kelliem mistieden fil-Kunsill Ġenerali, Dr. George Vital Zammit, Viċi-Dekan tal-Fakultà tal-Ekonomija, Management u Accountancy fl-Università ta’ Malta, qal li l-Partit Nazzjonalista f’dan l-istadju politiku jeħtieġ iħares lejn 3 passaġġi taż-żmien, minn ġej, fejn qiegħed u fejn sejjer.
Minn fejn ġej
Għat-8 ta’ filgħaxija tas-16 ta’ Marzu 1983, fi Triq Hookham Frère, il-Pietà, George Bonello Depuis kien se jiftaħ sensiela ta’ wirjiet bit-tema ‘Partit Popolari u Progressiv’ iżda ftit qabel il-ftuħ tagħha, il-Pulizija waslu fil-post biex jissekwestraw dak kollu esebit. L-interventi u l-protesti li saru lill-Kummissarju minn għadd ta’ esponenti Nazzjonalist ma wasslu għal xejn konkret. Il-PN prova jtella’ din il-wirja f’għadd ta’ postijiet iżda l-Pulizija dejjem kienet pronta biex tħarbet il-preparamenti.
Din il-wirja kienet ta’ theddida dak iż-żminijiet għax kienet qed tfassal il-viżjoni politika għall-Malta. Li kieku kellu l-għażla li jbiddel isem il-Partit Nazzjonalisti, Eddie Fenech Adami kien isemmieh il-Partit Popolari għax l-għan tal-popolariżmu hija l-ħidma għall-ġid komuni tas-soċjetà. Il-kelliem mistieden qal li l-partit jeħtieġ jixpruna lis-soċjetà f’armonija, f’sens ta’ rispett u komunità fost il-Maltin. Dak iż-żmien, il-Partit Nazzjonalista kien progressiv fil-viżjoni politika li jsieħeb lill-Malta fl-Unjoni Ewropea.
B’referenza għall-ħsibijiet ta’ Voltaire, barra d-difiża tal-libertà tal-espressjoni, huwa appella lill-kunsilliera fuq l-obbligu politiku u morali li jħaddnu dan id-dritt fl-istess Partit, anki jekk wieħed ma jaqbilx ma’ dak li jkun. Huwa imperattiv li jiġġeldu l-ideat u dan is-sentiment ta’ tolleranza għandu jiġi trażmess fl-istrutturi tal-Partit.
Fejn qiegħed
Għalkemm huwa żmien diffiċli kemm għall-pajjiż u għall-partit, Vital Zammit jara l-prezent bħala works in progress. Il-partit li kellu sehem ewlieni fit-tnaqqix ewlieni ta’ pajjiżna, qed iġedded lin-nies, ’il-metodi u ’l-ideat. Għalkemm l-elettorat għażel lill-Partit Nazzjonalista fl-Oppożizzjoni, huwa qal li l-partit huwa xorta protagonist u relevant politikament.
Għalkemm maħsudin b’għadd ta’ verdetti elettorali riċenti, wieħed għandu jevalwa l-punti elenkati fir-rapport tat-telfa tal-2013. Huwa appella biex jintemm il-protagoniżmu fil-partit u toktor il-kolleġġjalità fost il-kunsilliera tal-Partit Nazzjonalista.
Fejn sejjer
Dr. George Vital Zammit jisħaq li l-Partit għandu jirbaħ il-qlub u l-imħuħ tan-nies biex jirbaħ il-fiduċja tal-poplu. Għalkemm m’hemmx xi formola li trebħek elezzjoni ġenerali, il-Partit jeħtieġ ikollu l-galbu, anki fi żmien 10 snin jekk jista’ jkun, sabiex jara r-riżultati mixtieqa. It-tiġdid fl-istrutturi għandhom jirreflettu l-ispettru soċjali biex il-partit jibqa’ jattira lil kulħadd.
B’referenza għall-intervista li saret lil Giovanni Falcone qabel ma nqatel, is-sens ta’ dmir għandu jmexxi lil dak li jkun biex jissagrifika ħajtu f’kull ġlieda, fil-każ tiegħu kontra l-Mafia. Il-Partit Nazzjonalista għandu jkollu l-kuraġġ jiżmentella l-kuluri politiċi fl-interess tan-nazzjon għax il-politika hija missjoni u viżjoni. L-isfidi kbar jeħtieġu politici kbar, itemm jgħid Vital Zammit.
//= $special ?>

