Lokali

“Sfida u dover li l-PN isir art soda f’nofs ibħra mqallbin” – Rosette Thake, Segretarju Ġenerali tal-PN

Fl-aħħar diskors tagħha fil-Kunsill Ġenerali bħala Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, Rosette Thake semmiet kif il-Partit Nazzjonalista għandu l-kuraġġ u l-ħila biex joffri mill-ġdid tama għal dawk in-nies li jħossuhom diżillużi fil-politika Maltija. Dan hu possibbli li jsir bil-Kumitat Eżekuttiv mibdul u b’Kunsill Ġenerali li issa għandu President ġdid.

Filwaqt li rringrazzjat lil dawk kollha li ħadmet magħhom matul dawn l-aħħar sentejn u nofs li kienet tokkupa l-kariga ta’ Segretarju Ġenerali, Rosette Thake semmiet li l-Partit Nazzjonalista jrid ikun denju sabiex l-elettorat iserraħ rasu li m’hemm xejn moħbi wara dak li jintqal biex b’hekk il-PN mhux biex isir partit alternattiv iżda joffru pajjiż alernattiv għax il-PN jaf li gvern ifisser responsabilità u mhux poter.   Għalhekk, il-PN, bi sfida u dover, isir art soda f’nofs ibħra mqallbin.

Waqt il-Kunsill Ġenerali li kellu t-tema Ġustizzja, Sigurtà, Libertà, Thake irreferiet għax-xahar t’Ottubru bħala xahar trasformattiv għall-Partit Nazzjonalista, xahar li ħasad mhux biss il-ħajja ta’ Daphne Caruana Galizia iżda ħasad ukoll lis-soċjetà Maltija. Rosette Thake żiedet tgħid li għal dan kollu, ir-risposta tan-nies kienet reżistenza, kuraġġ u solidarjetà għaliex il-mewta ta’ Caruana Galizia wasslet sentiment qawwi ta’ frustrazzjoni, ta’ rabja u ta’ sfiduċja. Hi sostniet li dan l-assassinju huwa trawma nazzjonali għaliex inqatlet punt ta’ referiment u nkixef il-kolass t’istituzzjonijiet Maltin kif ukoll l-identità ta’ pajjiżna.

Thake sostniet ukoll li dan kollu ġab diżorjentament politiku għaliex f’dan il-mument il-Gvern baqa’ jirriklama ekonomija li tifjorixxi. Dan meta fost oħrajn, l-indipendenza u l-kultura Maltija mgħadhomx bħal qabel. Għalhekk, l-isfida tal-Partit Nazzjonalista hija importanti iktar minn qatt qabel għax il-Partit irid iservi lin-nies, irid ikun kapaċi jgħaġen l-ispirazzjonijiet tas-soċjetà biex pajjiżna jkun wieħed ġust.

Fl-isfond ta’ dan, is-Segretarju Ġenerali semmiet kif il-Partit Nazzjonalista għandu jara għalxiex qed tikber il-faxxa ta’ nies li ma jridux jafu iktar b’dan il-Partit, li jrid ikun verament qrib tan-nies. Hawnhekk irreferiet għat-turnout tal-aħħar elezzjoni ġenerali li kien ta’ 92%. Filwaqt li kien turnout sabiħ, dan il-persentaġġ juri li l-poplu Malti jieħu l-vot bis-serjetà. Minkejja dan, dan ma jgħid xejn dwar in-nuqqas ta’ fiduċja fil-partiti politiċi.

Matul id-diskors tagħha, Rosette Thake rrreferiet ukoll għall-editorjali u l-midja soċjali li minn mindu beda l-proċess ta’ tibdil fi ħdan il-Partit Nazzjonalista, poġġew lil dan il-Partit fiċ-ċentru tad-diskussjonijiet, tant li kien suġġett relevanti għas-soċjetà Maltija. Hi żiedet tgħid li dan kollu biddel il-klima politika Maltija u qanqal kummenti li ħolqu xkiel u uġigħ għal min imexxi l-Partit. Għaldaqstant, Thake sosniet li l-Partit Nazzjonalista jrid iħares iktar fil-fond u jara x’tifsira għandu dan sa meta jintemm il-proċess ta’ tibdil għaliex in-nies iridu li l-Partit Nazzjonalista jissaħħaħ u jirrifletti l-interessi tagħhom sabiex jinbena partit politiku serju. B’hekk, il-Partit Nazzjonalista ma jkunx biss aħjar mill-Partit Laburista iżda jkun Partit xieraq biżżejjed għan-nies li jitolbu standards ferm ogħla minn hekk għaliex il-PN irid jofffri pajjiż alternattiv li jwassal għal vera serenità, li joffri ċans ieħor għal politika serja.