Sport Sport Ieħor

Valletta jegħlbu wkoll lil Luxol u jiqbgħu b’punti massimi

Valletta baqgħu b'punti massimi wara sitt logħbiet (Ritratt: Joe Borg)

Valletta kisbu rebħa importanti meta għelbu lil Luxol 4-2 f’konfront ferm mistenni li ġabu attendenza tajba fil-Padiljun Sportiv ta’ Kordin. B’hekk il-Beltin komplew bis-serje ta’ rebħiet hekk kif din ir-rebħa kienet is-sitt waħda konsekuttiva.

Wara li ż-żewġ timijiet għamlu ħin twil għassa ta’ xulxin, ħames minuti mit-tmiem tal-ewwel taqsima, Gia Nikvashvili ra lil Jovica Milijic żmarkat quddiem il-lasta u tah il-ballun li minnu faċilment poġġa lill-Beltin fil-vantaġġ.

Fil-ftuħ tat-tieni taqsima, reġa’ kien Milijic li rdoppja l-iskor għat-tim mill-kapitali. Sitt minuti mit-tmiem, kien imiss lil Murtaz Kakabadze li kellu prestazzjoni mill-aqwa, sabiex skurja t-tielet gowl għal Valletta.

Kien hawn li Luxol ħarġu determinati li jieħdu xi ħaġa minn dan il-konfront. Hekk kif tefgħu kollox fuq l-attakk bl-inklużjoni ta’ Celino Alves bħala flying keeper. Din il-mossa ħadmet tajjeb u biha l-captain Mark Zammit skorja darbtejn.

Iżda l-Beltin li ma stennewx din ir-reazzjoni min-naħa ta’ Luxol, qamu għall-okkażjoni u fl-aħħar minuta Denis Di Maio ssiġġilla s-sitt rebħa konsekuttiva, fil-bidu ta’ dan l-istaġun.

F’aktar logħbiet, Pietà għelbu lit-tim ta’ taħt il-21 sena ta’ Swieqi United bl-iskor ta’ 11-0. Ħamrun Tre Angeli żiedu rebħa oħra meta għelbu lil Tarxien JMI bl-iskor ta’ 6-2.

Swieqi United irritornaw għar-rebħ meta għelbu lil Qormi 9-4. Mrieħel ESS ukoll irritornaw għar-rebħ meta għelbu lil Marsaskala 8-1. Fl-aħħarnett fid-derby studentesk bejn il-Junior College u t-tim tal-Università, l-Universitarji ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 18-4.

Fil-klassifika tal-kampjonat, Valletta jibqgħu waħedhom fil-quċċata bi 18-il punt, segwiti mit-tim tal-Università u Pietà bi 15-il punt. Fit-tielet post hemm Ħamrun Tre Angeli bi 13-il punt. Luxol baqgħu b’disa’ punti daqs Swieqi United.

Tarxien JMI, Qormi u Mrieħel ESS  għandhom sitt punti, filwaqt li Marsaskala għandhom tliet punti. Fil-qiegħ tal-klassifika, Junior College u t-tim ta’ taħt il-21 sena ta’ Swieqi United għadhom mingħajr l-ebda punt.

Logħob li jmiss

Għada

Padiljun Sportiv ta’ Kordin

Marsaskala v Swieqi              8.00pm

Mrieħel v Junior College      9.15pm

Il-Ħamis

Ħamrun v l-Università         8.00pm

Valletta v Tarxien                  9.15pm

Il-Ġimgħa

Qormi v Luxol                        8.00pm

Pietà v Swieqi                         9.15pm

Tags