Internazzjonali

Irġiel armati jwaqqfu l-Comic Con fi Tripli

Grupp ta’ rġiel armati waqqfu l-Comic Con li fetħet fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet fi Tripli, il-kapitali Libjana.
Il-Comic Con hi festa ta’ dak kollu li għandu x’jaqsam mad-dinja tal-komiks, speċjalment dawk Amerikani u Ġappuniżi u ssir f’diversi bliet ewlenin madwar id-dinja. Il-verżjoni li saret fil-Libja kienet ferm iżgħar minn dik li ssir fi bliet oħra imma kienet qed titqies bħala sforz miż-żgħażagħ Libjan lejn xi forma ta’ normalità.
Iżda membri tal-grupp armat, il-Forza Speċjali tad-Detterent (RADA), qalu li intervenew għaliex din kienet tmur kontra “l-morali u l-modestja” tal-pajjiż u arrestat ħafna minn dawk li kienu fis-sala fejn kienet qed issir. L-attività kienet qed issir fis-sala tal-konferenzi ta’ Dat Al-Imad fi Tripli.
Intqal ukoll li mir-ritratti li tpoġġew fuq il-midja soċjali kien hemm ħafna kritika mill-pubbliku Libjan kontriha.
Il-grupp militanti hu alleat tal-Gvern ta’ għaqda nazzjonali Libjan li jgawdi minn appoġġ tan-Nazzjonijiet Uniti.
Xhieda qalu li aktar minn 20 persuna, fosthom organizzaturi, parteċipanti u viżitaturi, kienu arrestati fir-rejd li sar u xi wħud minnhom sfaw imsawta u kellhom xagħarhom imqaxxra.
Xi nies qrib l-organizzazzjoni tal-attività qalu li kienu maħsuda minn dak li ġara speċjalment peress li kellhom il-permessi kollha mill-awtoritajiet konċernati. Xi wħud minn dawk li nħelsu qalu li dawk li arrestawhom qalulhom li l-Libja kien pajjiż Musulman u mhux xi pajjiż liberali.
Stqarrija mill-grupp li wettaq ir-rejd qal li attività bħal din kienet xi ħaġa barranija għall-kultura Libjana u dawk li organizzawha qed japprofittaw mid-dgħufija tal-fidi reliġjuża u l-faxxinu ta’ kulturi barranin.