Leak ġdid magħruf bħala Paradise Papers, qed jerġa’ jitfa l-lenti tad-dinja fuq pajjiżna – dan hekk kif miljuni ta’ dokumenti matul din il-ġimgħa se jiżvelaw kif Malta hi destinazzjoni popolari għall-flus mill-Ażerbajġan.
Id-dokumenti qed jiġu żvelati mill-Konsorzju Internazzjonali għall-Ġurnaliżmu Investigattiv (ICIJ) – l-istess konsorzju ta’ ġurnalisti li żvela l-Panama Papers, dokumenti li fihom wkoll Malta ċappset isimha.
Din id-darba, l-informazzjoni ġejja minn żewġ kumpaniji bbażati f’Bermuda u Singapore, u kif ukoll minn 19 il-reġistru ta’ kumpanjii f’pajjiżi, li kif ġew deskritti mill-ICIJ, jintużaw bħala l-mezzi ta’ kif il-flus jidħlu fl-ekonomija moħbija tad-dinja – u fost dawn il-pajjiżi hemm Malta.
Min hu l-moħħ wara l-leak?
Id-dokumenti żvelati nkisbu mill-gazzetta Ġermaniża Süddeutsche Zeitung, u li ntbagħtu lill-Konsorzju Internazzjonali għall-Ġurnaliżmu Investigattiv biex sar network ta’ aktar minn 380 ġurnalist f’67 pajjiż li qegħdin jaħdmu fuq il-Paradise Papers.
Flimkien ma’ Malta, insibu pajjiżi li r-reputazzjoni tagħhom fis-settur finanzjarju titqiqs bħala ‘havens’ – fosthom Bermuda, Cook Islands, u Antigua.
Malta fiex hi msemmija?
Il-bozza l-ħamra għall-ħasil ta’ flus u korruzjoni ilha li xelgħet fuq Malta, u fil-jiem li ġejjin, delegazzjoni mill-Parlament Ewropew mistennija tasal f’pajjiżna biex tinvestiga l-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus f’Malta.
F’dan il-leak ta’ dokumenti ġdid li ttieħdu minghand il-kumpanija Appleby, jidher li skont Times of Malta, li huma kollaboraturi f’dan l-iżvelar tal-ICIJ – iċ-Chairman uxxenti tal-Awtorita tas-Servizzi Finanzjarji (MFSA), Prof. Joe Bannister, għandu numru ta’ ishma f’kumpanija msemmija f’dan il-leak. Filfatt il-kumpanija Russa tal-iskavar bl-isem ta’ IMHL iddeskrivit lil Bannister bħala parti mit-tmexxija ta’ ACP Special Situations No.2, li hi kumpanija ddomiċiljata fil-British Virgin Islands.
Madanakollu, il-Profs Joe Bannister qal li l-involviment tiegħu f’din il-kumpanija kien qabel ma ġie appuntat Chairman tal-MFSA fl-1999, u stqarr li hu rreżenja minn din il-kumpanija s-sena l-oħra.
F’Awwissu il-Ministeru tal-Finanzi kien ċaħad it-talba għal-liberta’ ta’ informazzjoni biex tingħata kopja tad-dikjarazzjoni tal-interessi finanzjarji ta’ Joe Bannister, bir-raġuni tkun dik li r-rendikont mhuwiex għall-konsum tal-pubbliku.
Minn naħa l-oħra Malta tissemma’ wkoll b’rabta ma numru kbir ta’ miljunarji u biljunarji mill-Ażerbajġan – hekk dawn fetħu numru kbir ta’ kumpaniji Maltin marbuta mas-settur tal-merkanizija u dak marittimu. L-isem l-aktar li spikka kien dak ta’ Mübariz Mansinov, biljunarju mill-Ażerbjġan li għandu konnessjoni ma’ aktar minn 100 kumpanija f’Malta bħala parti mill-grupp ta’ kumpanji bl-isem ta’ Palmali.
Ir-relazzjoni bejn l-Ażerbajġan u Malta hi waħda li dan il-Gvern ilu għal snin jaħdem fuqha, fejn saħansitra f’Diċembru tal-2014 il-Prim Ministru Joseph Muscat mar l-Ażerbajġan flimkien maċ-Chief of Staff tiegħu Keith Schembri u l-Ministru Konrad Mizzi, mingħajr ebda sejħa għall-preżenza tal-media.
Min aktar hu msemmi?
Il-kantant Irlandiż ta’ U2, Bono wkoll hu ssemma’ f’dan l-leak b’rabta diretta ma’ Malta. Skont id-dokumenti żvelati, Bono investa f’ċentru kummerċjali fil-Litwanja permezz ta’ kumpanija rreġistrata f’Malta. Persuna ta’ fama mondjali oħra li hi involuta f’dan il-leak hi r-Reġina Eliżabetta II hekk kif din kellha investiti mal-għaxar miljun Lira Sterlina f’kumpanija offshore fil-Cayman Islands u Bermuda.
Ir-reazzjoni tal-Partit Popolari Ewropew:
Intant, il-Partit Popolari Ewropew fi stqarrija talab biex jiżdied ir-ritmu fix-xogħol biex jinstabu t-tax havens u l-postijiet użati għall-ħasil tal-flus. Il-PPE qalet li l-unika mod kif tista’ tipprevjeni l-evażjoni tat-taxxa u l-ħasil tal-flus hu billi tissaħħaħ il-kooperazzjoni fl-Unjoni Ewropea. Fl-istess waqt, il-PPE stqarr li dawn il-leaks iqajmu aktar mistqosijiet dwar ċertu stati membri fl-Unjoni Ewropea.
//= $special ?>