Lokali Qorti

It-talba għall-investigazzjoni kriminali dwar il-Panama Papers ġiet differita

It-talba mid-deputat Simon Busuttil biex issir investigazzjoni kriminali dwar il-Panama Papers, u l-involviment tal-Prim Ministru Joseph Muscat, Konrad Mizzi u Keith Schembri llum kellu jkompli jinstema’. Madanakollu, peress li fl-istess waqt għaddejja kawża quddiem il-Qorti Kostituzzjonali fejn saret it-talba għar-rekuża tal-Imħallef Antonio Mizzi dwar l-istess investigazzjoni kriminali – il-kawża dwar jekk għandhiex issir investigazzjoni kriminali fuq in-nies involuti fil-Panama Papers ġiet differita sine die sakemm ikun hemm is-sentenza  tal-kawża Kostituzzjonali li se tibda tinstema’ għada.

It-talba għar-rekuża mid-deputat Nazzjonalista Simon Busuttil saret hekk kif huwa fatt magħruf li mart l-Imħallef Mizzi hija d-Deputat Laburista Marlene Mizzi u għaldaqstant huwa naturali li wieħed jitlob li huwa m’għandux jiddeċiedi dan l-appell biex il-ġustizzja mhux biss issir iżda tkun tidher li qed issir.

L-avukat Jason Azzopardi deher għad-deputat Simon Busuttil.