Yazmin Zammit Stevens kisbet riżultati pożittivi meta irnexxielha tirbaħ żewġ midalji tad-deheb fil-Kampjonat Internazzjonali ta’ Vladan Mihajlovic fis-Serbja li sar fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet.
Din kienet it-tieni darba li Zammit Stevens ikkompetiet f’dan il-kampjonat. F’din il-kompetizzjoni s-sena l-oħra, hi kienet rebħet il-midalja tal-bronż fis-snatch. Iżda din is-sena b’aktar esperjenza kienet preparata aktar biex tikseb l-ogħla post fuq il-podju.
Fost il-pajjiżi parteċipanti kien hemm pajjiżi b’saħħithom bħas-Serbja, il-Bulgarija, l-Ungerija, Iżrael, Bożnija, Rumanija, Uganda u s-Slovenja. Fis-snatch, minkejja li refgħet 79 kilo li kien l-aqwa riżultat tagħha, spiċċat fil-ħames post fil-klassifika.
Iżda fil-clean and jerk, Zammit Stevens bdiet bil-piż ta’ 93 kilo u kompliet iżżid għal 96 kilo u 99 kilo b’suċċess, b’tal-aħħar tkun determinanti biex tirbaħ id-deheb. L-atleta Maltija spiċċa biex rebħet ukoll it-titlu tal-aħjar atleta fil-kompetizzjoni. Ir-refa’ ta’ 99 kilo kien ukoll rekord nazzjonali. Hi spiċċat b’225.94 punt, segwita mill-Iżrael b’223.99 punt u s-Slovenja b’223.29 punt.
Fl-avveniment ipparteċipaw ukoll żewġ atleti irġiel b’Vlad Baldacchino u Michael Fava jagħmlu l-ewwel dehra internazzjonali tagħhom fil-kampjonat. Fava kiseb l-aħjar riżultat b’refa’ personali ta’ 90 kilo fis-snatch u 115-il kilo fil-clean and jerk, biex spiċċa l-kompetizzjoni b’total ta’ 263.32 punt. Vlad Baldacchino refa’ total ta’ 115-il kilo fis-snatch u 140 kilo fil-clean and jerk u kiseb total ta’ 293.22 punt.
Il-President tal-Malta Weightlifting Association kien preżenti mal-atleti u mexxa seminar ta’ jumejn qabel il-kompetizzjoni. Caruana tkellem dwar ir-regoli u d-dmirijiet għall-uffiċjali tekniċi kif ukoll dwar il-linji gwida ġenerali biex titwettaq kompetizzjoni xierqa u professjonali. Barra minn hekk, Caruana kien il-President tal-ġurija matul il-kompetizzjoni tas-Sibt.
//= $special ?>