Sport Waterpolo

Exiles jakkwistaw lil Mark Fenech

Mark Fenech (Ritratt: James Scicluna)

Exiles komplew isaħħu l-iskwadra tagħhom għall-istaġun li ġej bl-akkwist tal-plejer ta’ 21 sena Mark Fenech mingħand Sliema b’kuntratt ta’ erba’ snin. Fenech li hu xellugi se jkun qed jagħti aktar tul fl-iskwadra u għażla aħjar fuq in-naħa leminija tal-pitch fl-attakk, hekk kif bħalissa Exiles għandhom lil Michele Stellini bħala x-xellugi prinċipali.

Dan hu t-tielet akkwist ta’ Exiles minn wara li spiċċa l-istaġun ta’ din is-sena, wara r-ritorn ta’ Aurelien Cousin u l-akkwist b’mod permanenti ta’ Matthew Castillo wara li l-gowlkiper lagħab din is-sena ma’ Exiles.

F’kummenti ma’ dan is-sit, il-President ta’ Exiles Andrew Paris qal li Mark Fenech hu plejer li għandu talent, xellugi u kompla jgħid li fl-opinjoni tiegħu l-karattru tiegħu għad irid joħroġ aktar fil-logħba. Paris tenna li hu konvint li se jkun akkwist importanti għal Exiles u għal dawn l-erba’ snin li ġejjin.