Lokali

“F’ġieħ is-‘surplus’, il-gvern rema’ s-serħan il-moħħ” – Robert Arrigo

“Meta ħsibna li l-fundamenti ta’ pajjiż normali: d-demokrazija , l-liberta’ u s-serħan il-moħħ kienu garantiti, intbaħna li m’humiex. Kienu hemm, ġibnihom aħna, il-Partit Nazzjonalista, iżda dan il-gvern tellifhomna. Remihom, biegħhom biex jgħid li għandhu ‘surplus’”

Dan sostnih Robert Arrigo, kandidat għall-elezzjoni ta’ Viċi Kap tal-PN għall-ħidma fil-Partit. Permezz ta’ stqarrija Robert Arrigo kompla jgħid li għal dan il-gvern, is-suppost ‘surplus’, hu aktar important mill-fundamenti ta’ pajjiż normali.

Sostna li l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia hu rizultat ta’ kultura li rawwem dan il-gvern. Spjega kif 4 xhur ilhu, konna mwegħdin l-aqwa żmien. 4 xhur wara għandna pajjiż fi kriżi, istituzzjonijiet li sfrondalhom il-qiegħ, biża’ u rabja mill-poplu.

Robert Arrigo qal li f’dan l-isfond, tikber il-ħtiega ta’ Partit Nazzjonalista b’saħħtu. “Dan hu d-dover ta’ kull wieħed u waħda minnha – li nsaħħu l-partit li mill-gvern raddilna pajjiż demokratiku u ħieles. Dak li kiseb il-Partit Nazzjonalista għal Malta tagħna, issa qed jintilef. Fid-dmir li ma nħallux li dan ikompli jseħħ. Għalhekk qiegħed hawn illum. B’umilta’, iżda b’determinazzjoni kbira, qiegħed noffri saħħti, ħini u r-riżorsi kollha tiegħi għat-tisħiħ tal-partit tagħna.”
Il-kandidat għal viċi kap għall-affarijiet tal-partit, Robert Arrigo fl-istqarrija reġa’ tenna uħud mill-proposti li qed jagħmel hu fosthom; li l-Partit Nazzjonalista ikun preżenti fuq kull forma ta’ media soċjali; tim iffukat fuq il-midja soċjali, ko-ordinat mill-uffiċċju nformazjoni; tisħiħ fil-finanzi tal-partit, opportunitajiet akbar biex in-nies jagħmlu kuntatt mal-partit, bil-mezzi tax-xandier tagħna, fost oħrajn.

Robert Arrigo temm jgħid li hu fiducjuz li flimkien naslu. “Minkejja s-sitwazzjoni mill-aktar diffiċli fil-pajjiż, konvint li din is-sitwazzjoni noħorġu minnha. Magħqudin, bħala partit nazzjonalista b’saħħtu, flimkien, determinati li noffru alternattiva ferm aħjar minn dik ta’ bħalissa” temm jgħid Robert Arrigo.