Lokali

Francis Zammit Dimech f’delegazzjoni tal-Parlament Ewropew fil-Libanu

Tmien membri mid-delegazzjoni tar-relazzjonijiet tal-Parlament Ewropew mal-pajjiżi tal-Mashreq, fosthom l-MEP Nazzjonalista, Francis Zammit Dimech, għamlu żjara uffiċjali fil-Libanu l-ġimgħa l-oħra.

F’din iż-żjara, Zammit Dimech iltaqa’ mal-Prim Ministru tal-pajjiż, Saad Hariri, li miegħu u mad-delegazzjoni tkellem fuq ir-rieda tiegħu li jara aktar progress għall-aħjar fix-xena politika tal-pajjiż. Huwa wera l-impenn li jżewweġ it-tkabbir ekonomiku tal-pajjiż fil-futur ma’ programm ġdid li jattira investimenti kapitali u li jippromwovi public private partnership fis-settur pubbliku.

L-MEP Nazzjonalista wera d-dispjaċir tiegħu għar-riżenja tal-Prim Ministru Hariri, partikolarment minħabba l-iżviluppi pożittivi fix-xena politika Lebaniża fi żmienu. Dan meta ntlaħaq ftehim għall-għażla tal-President tal-pajjiż u fuq il-liġi elettorali il-ġdida li se jwasslu għall-elezzjonijiet ġodda f’Mejju 2018.

Tul din iż-żjara ta’ 3 ijiem, id-delegazzjoni iltaqgħet mal-President il-ġdid, Michael Aoun, mal-iSpeaker tal-Parlament Lebaniż, Nabih Berri, u mal-ħidma tal-UNHCR u l-UNWRA mar-refuġjati Sirjani u Palestinjani.