West Ham Utd ħabbru li ħatru lil David Moyes biex imexxi lit-tim u dan se jieħu post Slaven Bilic li tkeċċa nhar it-Tnejn li għadda wara r-riżultati xejn tajbin li kiseb magħhom.
Moyes, eksmanager ta’ Everton u Manchester Utd ilu bla klabb sa minn Mejju li għadda meta dakinhar kien irriżenja minn kowċ ta’ Sunderland wara li dawn kienu sfaw relegati mill-Premiership Ingliż.
L-ewwel logħba ta’ Moyes ma’ West Ham Utd se tkun fid-19 ta’ Novembru kontra Watford f’Vicarage Road.
Ta’ min jiftakar li f’dawn l-aħħar snin Moyes mexxa anke lil Real Sociedad fi Spanja u bħal ma seħħ ma’ Man Utd, ma tantx mar tajjeb magħhom.
West Ham Utd bħalissa qegħdin fit-18-il post u rebħu biss żewġ partiti fil-kampjonat. Huma kellhom bidu diżastruż hekk kif tilfu l-ewwel tliet logħbiet tal-kampjonat.
It-tkeċċija ta’ Bilic waslet wara li nhar is-Sibt li għadda dawn tilfu 4-1 f’darhom kontra Liverpool. Bilic kien ingħaqad ma’ West Ham fis-sajf tal-2015 u mexxa lill-klabb għall-aħjar staġun tagħhom fil-Premier League f’dak li kien l-aħħar staġun tagħhom f’Upton Park.
Huma kienu spiċċa fis-seba’ post bi 62 punt u assiguraw posthom fl-Europa League. Iżda Bilic naqas li jirrepeti l-istess suċċess fit-tieni staġun, b’West Ham jonqsu li jikkwalifikaw għall-gruppi tal-Europa League.
Fil-Premier League, huma għamlu ħafna mill-istaġun jissieltu kontra r-relegazzjoni, iżda rnexxielhom jispiċċaw il-kampjonat fil-11-il post.
//= $special ?>