Kultura Lokali

Imniedi l-festival Żigużajg f’Ġħawdex

Opra Antagonisti huwa proġett konġunt bejn il-Fondazzjoni Kreattività u l-Orkestra Nazzjonali taż-Żgħażagħ li se jlaqqa’ 3 antagonisti mill-opri f’kompetizzjoni ġo kunċert għat-tfal u ż-żgħażagħ li se jittella’ fl-Oratorju Don Bosco, Għawdex, nhar il-Ġimgħa 17 ta’ Novembru fil-11 ta’ filgħodu u s-Sibt 18 fis-6.30 ta’ filgħaxija.

Dan se jkun spettaklu umoristiku għat-tfal u se jkun mmexxi mill-artisti magħrufa internazzjonalment, Fabio Cherstich, direttur artistiku, u Gianluigi Toccafondo, li se jieħu ħsieb is-set, il-filmati u l-kostumi.

It-3 antagonisti huma Iago mill-opra Otello, ta’ Giuseppe Verdi, Scarpia mill-opra Tosca, ta’ Giacomo Puccini u Don Giovanni, il-karattru prinċipali mill-opra bl-istess isem ta’ Gaetano Donizetti. Dawn il-karattri se jiġu nterpretati għat-tfal mill-kantanti Ken Scicluna, Andrew Louis Cassar u Joseph Lia.

L-Orkestra Nazzjonali taż-Żgħażagħ, diretta mis-Surmast Taljan Riccardo Bianchi, se ddoqq mużika minn dawn l-opri u flimkien magħha se jieħdu sehem tfal bi bżonnijiet speċjali mill-Unit Speċjali tal-Iskola Ta’ Sannat. L-għan tal-ispettaklu huwa li jfiehem lit-tfal li l-opra hija lingwa li tgħodd għalihom ukoll u li din tista’ tittella’ barra t-teatri tal-opra.