Lokali Parlament

Jeħtieġ jitwettqu miżuri dwar il-vittmi tal-vjolenza domestika

– Claudette Buttigieg, PN

Id-deputat Nazzjonalista Claudette Buttigieg appellat lill-gvern biex iwettaq id-diversi rakkomandazzjonijiet li hemm pendenti dwar il-protezzjoni għall-vittmi tal-vjolenza domestika għaliex dawn huma proposti li ilhom li saru diversi snin.

Meta kienet qed titkellem fil-parlament dwar il-liġi tal-vjolenza domestika d-deputat Nazzjonalista Claudette Buttigieg sellmet lil Daphne Caruana Galizia u qalet li din it-traġedja nazzjonali għandha twassal biex iktar nies jitkellmu u jibqgħux siekta. Gvern Nazzjonalista ma jmissux dam biex għadda l-liġi dwar il-vjolenza domestika. Hi sellmet lill-persuni li jaħdmu b’mod volontarju f’dan is-settur li fih qed jagħmlu ġid kbir.

Claudette Buttigieg qalet li l-fatt li l-liġi ngħaqdet mal-Konvenzjoni ta’ Istanbul jista’ jwassal biex il-Konvenzjoni titnaqqas. Dwar it-tfal, Claudette Buttigieg sostniet li l-vjolenza domestika qed tħalli vittmi fuq it-tfal.

Hi semmiet it-tfal u l-persuni li hemm f’Dar Merħba Bik u Dar il-Qalb ta’ Ġesu u qalet li dawn huma nisa li telqu minn djarhom bla ebda riżorsi. Il-Konvenzjoni ta’ Istanbul tispeċifa li l-irġiel li jsawtu għandhom jitilqu mid-djar għalkemm hemm nisa msawta li ma jkunux iridu jibqgħu fid-dar li huma jkunu ġew abbużati fiha.

Id-deputat Nazzjonalista tkellmet dwar il-pulizija u qalet li l-kritika lil ċertu uffiċjali tal-pulizija ma tfissirx li qed ikun kritikat il-Korp tal-Pulizija kollha għax hemm ħafna pulizija eżemplari. Id-dewmien biex toħroġ l-att tal-akkuża qed iġib diffikultajiet fuq il-vittmi li jkunu rabbew il-kuraġġ biex imorru għandil-pulizija.

Il-pulizija għandu jkollhom policy miktuba dwar dan u għandu jkollha żmien stipulat biex isiru studju. Dan filwaqt li jsiru quite rooms fl-Għases tal-Pulizija. Kull għassa għandu jkollu post fejn isiru l-ilmenti fil-konfront tal-pulizija. Il-vittmi għandhom jingħataw il-kopja tal-att tal-akkuża.

Dawn huma rakkomandazzjonijiet li saru tliet snin ilu minn kumitat aprlamentari iżda għadhom ma twettqux, sostniet id-deputat Nazzjonalista, li kompliet li għandu jkun hemm inqas dewmien fil-perjodu minn meta jsir ir-rapport sakemm tibda l-kawża, li jkun hemm policy dwar is-sentenzi u dwar il-perikli li jffaċċjaw il-vittmi meta l-aggressur jerġa’ jkun fl-istess dar tal-mara vittma. Għandu jkun hemm ukoll iktar protezzjoni fil-Qorti tal-Familja. Fis-settur tas-saħħa wkoll iridu jittieħdu azzjonijiet biex ix-xogħol tat-tobba tal-kliniċi jkun rikonoxxut.

Claudette Buttigieg qalet li għandu jkun hemm dinjità fis-servizzi mogħtija mill-assistenza legali u sostniet li l-assistenza psikoloġika mhix tasal fil-ħin meħtieġ għand il-vittmi. Qed isiru wkoll kampanji ta’ edukazzjoni iktar effettivi iżda għandha issir kampanja fuq il-vittmi irġiel u vittmi ta’ ġeneru ieħor; li għalihom għandu jsir ukoll shelter. Importanti li jkun mifuħ servizz f’Għawdex u jkun hemm taħriġ tal-pulizija fis-settur.

Is-soċjetà naqset lil dawn n-nies vittmi tal-vjolenza domestika u għalhekk issa s-soċjetà ma tistax tibqa’ siekta quddiem din ir-realtà.