Lokali

José Herrera bi kliem dispreġjattiv fil-konfront tal-avukat Edward Debono

F’kumment li kiteb fuq facebook, il-Ministru għall-Ambjent José Herrera għajjar lill-Avukat Edward Debono bi kliem dispreġjattiv.

Iżda skont il-Ministru Herrera hu kien ipprovokat biex jirrispondi b’dak il-mod. Hu ta din ir-reazzjoni mal-gazzetta Times of Malta.

Jirriżulta li l-Ministru Herrera u l-Avukat Debono kienu qed jikkummentaw fuq Facebook dwar il-Maġistrat Consuelo Scerri Herrera u konnessjonijiet politiċi tagħha. Il-Maġistrat Scerri Herrera tiġi oħt il-Ministru José Herrera.

Jidher li l-Kummenti tal-Avukat Debono ma għoġbux lill-Ministru Herrera u għallura ddeċieda li jgħajjru “asshole”  fuq facebook.

Skont il-Ministru kien ilu jiġi pprovokat mill-istess avukat. Dan filwaqt li biex jiġġustifika dak li kiteb qal li hu persuna bħall-oħrajn. Iżda meta mistoqsi jekk bħala Ministru jaħsibx li hu għandu jagħti eżempju bil-mod kif jitkellem u jaġixxi, il-Ministru Herrera qal li iva jaf li għandu jagħmel dan iżda anke l-Ministri xi darba jew oħra taqbżilhom.