Lokali

FILMAT: Ktieb umoristiku ġdid ta’ Marica Mizzi

Fiċ-Ċentru tal-Fortifikazzjonijiet fil-Belt Valletta, saret it-tnedija tal-ktieb ġdid ta’ Marica Mizzi bl-isem ‘Praspar mill-Klinika – Doża ta’ Daħq’.

Il-ktieb jikkonsisti f’ġabra ta’ aneddoti umoristiċi, kollha b’rabta mal-qasam mediku.

‘Praspar mill-Klinika, pubblikazzjoni ta’ Kite Group, hu r-raba’ wieħed ta’ sensiela popolari ta’ kotba b’ġabra ta’ rakkonti b’laqta umoristika marbutin ma’ suġġett partikolari, li din id-darba kien is-saħħa, anki peress li għal diversi snin Marica Mizzi ppreżentat fuq stazzjonijiet differenti tat-televiżjoni l-programm ‘Klinika’.

Tobba, professjonisti, spiżjara, dentisti, infermiera u pazjenti għenu biex il-ktieb ‘Praspar mill-Klinika’ jiġbor fih aktar minn 200 rakkont f’aktar minn 200 paġna – kollha differenti imma kollha jiggarantixxu tbissima.

Il-ktieb, li jinkludi ammont sabiħ ta’ karikaturi mill-artist Mark Schembri, se jkun għall-bejgħ waqt il-Festival tal-Ktieb f’dawn il-jiem f’Dar il-Mediterran u wara mill-ħwienet ewlenin tal-kotba.