Persuni armati lebsin ta’ pulizija illum attakkaw l-istazzjon tat-televiżjoni ta’ Shamshad f’Kabul, il-kapitali tal-Afganistan, b’talanqas żewġ persuni – wieħed minnhom gwardjan — jitilfu ħajjithom.
Il-grupp terroristiku ISIS assuma responsabbiltà għall-attakk, li beda bit-tfigħ ta’ grenades mill-aggressuri lejn il-bini, bir-rapporti anki jikkonfermaw talanqas 20 midruba fl-azzjoni.
Intant, il-qawwiet tas-sigurtà Afgani rnexxielhom jikkontrollaw is-sitwazzjoni u l-istazzjon, wara, seta jirritorna għall-iskeda tax-xandir. Id-direttur tal-aħbarijiet tal-Istazzjon Shamshad tkellem dwar is-sitwazzjoni u sostna li ‘l-attakk kien dirett kontra l-istampa ħielsa’ u li l-awturi tiegħu ‘ma kenux se jrażżnu lill-media’.
Il-belt ta’ Kabul, fl-aħħar xhur, spiċċat mira konsistenti għall-militanti tal-ISIS u l-grupp Taliban. Dan meta l-Afganistan hu wieħed mill-aktar pajjiżi meqjusa bħala perikolużi għall-ġurnalisti u ħaddiema tal-media fid-dinja.
//= $special ?>

