Kelliema għall-qawwiet tal-ajru tal-Istati Uniti qalu li għaddejjin investigazzjonijiet dwar il-falliment tal-awtoritajiet biex jirreġistraw informazzjoni dwar l-istorja kriminali li kellu Devin Patrick Kelley – l-awtur tal-massakru li seħħ jiem ilu fi knisja ta’ Texas – fid-database nazzjonali.
Fl-2012, Kelley, eksmembru tal-qawwiet tal-ajru, kien għadda minn qorti marzjali għal vjolenza domestika u spiċċa projbit milli jixtri jew li jkun fil-pussess tal-armi tan-nar. Intant, hu, is-sena l-oħra, seta’ jixtri azzarin li, fil-fatt, uża fl-attakk ta’ nhar il-Ħadd fuq knisja żgħira fl-inħawi ta’ Sutherland Springs, barra San Antonio, fejn spiċċa joqtol 26 persuna kiesaħ u biered.
Kelley kien ħarab minn fuq il-post wara l-massakru u nstab mejjet, aktar tard, fil-karozza tiegħu.
L-indikazzjonijiet huma li l-qattiel tal-massa spiċċa joqtol lilu nnifsu bl-istess arma li uża fil-massakru u wara li hu kien spiċċa midrub minn ċittadin li, fl-eqqel tad-drama, kien fetaħ in-nar għal fuqu.
Issa il-Qawwiet tal-Ajru tal-Istati Uniti u d-Dipartiment tad-Difiża Amerikan qegħdin jinvestigaw kif l-awtoritajiet ikkonċernati kienu mexxew ir-rekords kriminali ta’ Kelley.
Il-Gvernatur ta’ Texas, Greg Abbott, qal li Kelley, li kellu 26 sena, qatt ma messu tħalla jkun fil-pussess legali ta’ arma ladarba hu kien miċħud il-permess mill-Istat.
Sar magħruf li, qabel wettaq il-massakru, Kelley kellu argument sħun mal-kunjata tiegħu, bl-awtoritajiet, fil-preżent, qegħdin jeskludu l-possibbiltà ta’ terroriżmu.
//= $special ?>

