Internazzjonali

L-Italja: Berlusconi qed jittama f’ritorn politiku qawwi

 

L-eks-Prim Ministru Taljan, Silvio Berlusconi, qed jittama li r-rebħa tal-koalizzjoni li qed jappoġġja fl-elezzjonijiet reġjonali ta’ Sqallija għandha twittilu t-triq għal ritorn fix-xena politika ‘flimkien ma’ aktar suċċessi elettorali’.

Intant, il-Partit Demokratiku tax-Xellug (PD) fil-Gvern, qiegħed jagħmel il-kontijiet ta’ telfa (fi Sqallija) li filwaqt li hi simbolika, tista’ tindika aktar gwaj ’il quddiem għal dan il-partit fil-Gvern aktar ma tavviċina l-elezzjoni ġenerali fl-Italja.

Din anki kienet disfatta kbira għal Matteo Renzi, eks-Prim Ministru ieħor u Kap tal-PD, li għaddej b’diżgwid mal-kollegi tax-xellug. Fl-istess ħin, il-Gvern taċ-ċentru xellug qiegħed ibati, politikament, mir-rabja tal-poplu rigward il-kriżi tal-immigranti fl-Italja.

Sadattant, osservaturi fl-Italja ma jeskludux li l-membri tal-PD, li huma kritiċi ta’ Renzi, jistgħu, fil-jiem li ġejjin, jippruvaw jisfidawh għat-tmexxija tal-partit

Is-suċċess fil-vot kruċjali ta’ Sqallija jagħti spinta lill-alleanza ġdida taċ-ċentru lemin iffurmata mill-Partit Forza Italia (ta’ Bersluconi), il-Lega Nord u l-Partit Fratelli d’Italia.

Berlusconi – li kien Prim Ministru Taljan għal erba’ darbiet – warrab mix-xena politika, erba’ snin ilu, wara li hu spiċċa kundannat dwar frodi tat-taxxa. Sadattant hu qed jipprova jneħħi l-projbizzjoni imposta fuqu — fejn, għalissa, ma jistax jokkupa kariga pubblika — qabel l-elezzjoni nazzjonali ta’ Mejju li ġej. Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet Umani għandha tirrevedilu l-każ qabel l-aħħar tas-sena.

Intant, il-kandidat Nello Musumeci, li għandu l-appoġġ ta’ Berlusconi, għeleb lill-kandidat tal-Moviment Cinque Stelle biex kien ikkonfermat Gvernatur ta’ Sqallija. Iżda aktar minn 50 fil-mija tal-Isqallin ma vvutawx fl-elezzjoni, b’Musumeci jgħid li l-ewwel impenn tiegħu se jkun li javviċina lis-segmenti tal-elettorat li baqgħu d-dar.