Il-kontroll assolut ta’ ċerti deċiżjonijiet strateġiċi fl-Università se jaqgħu f’idejn il-Prim Ministru permezz ta’ bord li se jaħtar, setgħat mgħoddija lilu mingħand ir-Rettur permezz tal-Avviż Legali fuq l-Università. Mhux talli r-Rettur se jneħħulu dawn is-setgħat, talli lanqas se jifforma parti minn dan il-bord għaliex se jkun immexxi mill-Gvernatur tal-Università flimkien bejn 3 u 5 membri direttament appuntati mill-Prim Ministru.
L-avviż legali, ippublikat f’April fuq l-għatba ta’ kampanja elettorali, jagħti s-setgħa lil dan il-bord biex japprova l-pjanijiet u d-deċiżjonijiet tal-Università, fosthom il-baġit annwali, il-pjan akkademiku u kummerċjali.
Ir-raġuni mogħtija mid-dokument kienet li dan qed isir ‘għaliex l-istituzzjoni hija ffinanzjata minn fondi pubbliċi’, madanakollu din tikkontradixxi dak li jgħid il-Ministru tal-Edukazzjoni fl-istess dokument. Huwa jikteb li wieħed mill-għanijiet tal-avviż legali huwa li jippromovi l-awtonomija istituzzjonali tal-Università. Dan jimmina l-irwol tal-istituzzjoni bħala kuxjenza tas-soċjetà Maltija.
Fi stqarrija, il-Kunsill Studenti Universitarji wissa li din il-proposta se tipperikola l-awtonomija istituzzjonali tal-Università ta’ Malta. L-awtonomija hija kruċjali għaliha biex tiffunzjoni b’mod effettiv. L-istqarrija twissi li skont il-kriterji mniżżlin fid-dokument, il-membri maħtura mhux bil-fors ikollhom il-ħila jamministraw isitituzzjoni akkademika u wisq anqas l-għarfien tal-bżonnijiet tal-istess isitituzzjoni.
Intant, l-Erbgha l-KSU se jippreżenta dokument lill-Ministru tal-Edukazzjoni, Evarist Bartolo, bil-kontro-proposti għal dan l-avviż legali waqt laqgħa ta’ konsultazzjoni miftuħa għall-istudenti Universitarji.
//= $special ?>

