Lokali Qorti

“Mhux feliċi li min jagħmel l-investigazzjoni, jiddeċiedi wkoll hu” – L-Avukat tal-Kummissjoni Elettorali

“Ħadna parir mingħand l-Avukat tal-Kummissjoni Elettorali, il-Prof Refalo, li qalilna li mhux prattika tajba li min jinvestiga, jiddeċiedi”. Sostna dan Ray Zammit, membru tal-Kummissjoni Elettorali hekk kif hu, flimkien ma’ membri oħra tal-Kummissjoni Elettorali qed jixhdu fil-kawża Kostituzzjonali li fetaħ il-Partit Nazzjonalista.

Il-każ hu dwar il-liġi tal-Finanzjament tal-Partiti li tobbliga lill-Kummissjoni Elettorali biex tinvestiga ilmenti dwar finanzjament illegali ta’ partiti u jekk issib irregolaritajiet, tista’ timponi multi sa’ €50,000. Il-Partit Nazzjonalista qed jargumenta li dan hu ksur tal-Kostituzzjoni u tad-Drittijiet fondamentali ta’ smiegħ xieraq għaliex il-Kummissjoni Elettorali qed taġixxi ta’ prosekutur u ta’ ġudikant.

Il-Qorti, preseduta mill-Imħallef Joseph Zammit McKeon, semgħet lix-xhud isostni li jaqbel mal-liġi tal-Finanzjament tal-Partiti u jekk xejn, din għandha tiġi mwessa’. Madanakollu, “hu żball li l-liġi tgħajjat lill-Kummissjoni Elettorali għaliex il-Liġi dwar l-Elezzjonijiet Ġenerali ma kienitx tipprevedi li l-Kummissjoni Elettorali qatt kellha tagħmilha ta’ ġudikant,” kompla Ray Zammit.

Hu qal li hu kien ikkomunika dawn ir-riżervi tiegħu lill-Avukat Franco Debono, li kien qed imexxi din il-liġi. Qal ukoll li l-Kummissjoni Elettorali ħadet il-parir tal-Avukat tagħha, il-Professur Ian Refalo (li qed jidher ukoll f’din il-kawża) li wkoll wera ċertu riservi u kien irrimarka li “mhux feliċi li min jagħmel investigazzjoni, jiddeċiedi wkoll hu.”

Sadanittant, il-Kummissjoni Elettorali irċeviet żewġ ilmenti taħt il-Liġi tal-Finanzjament tal-Partiti, wieħed mill-Alternattiva Demokratika kontra l-użu tal-Palazz tal-Girgenti għall-laqgħat tal-Grupp Parlamentari Laburista u ieħor mill-Partit Laburista dwar finanzjament minn DB Group lill-Partit Nazzjonalista.

Ray Zammit xehed li sabiex jipprovaw jaħdmu fil-parametri tal-liġi kif inhi, il-Kummissjoni qablet li jitwaqqaf sotto-kumitat li jkun magħmul minn Imħallef irtirat u minn awditur. Hu qal li filwaqt li kien hemm qbil unanimu dwar l-eks Imħallef Geoffrey Valenzia, ma’ kienx hemm qbil dwar il-ħatra tal-awditur. Konsegwentement sar vot u l-awditur inħatar b’5 voti favur u 4 kontra.

F’April ta’ din is-sena, il-Membri tal-Kummissjoni Elettorali Ray Zammit, Victor Scerri, Joseph Zammit Maempel u Mario Callus, kitbu lill-President ta’ Malta fejn esprimew it-tħassib tagħhom li l-mod kif qed titħaddem il-liġi qed tinkiser il-Kostituzzjoni. Fix-xhieda tiegħu, Ray Zammit qal li l-President tat acknowledgment ta’ din il-korrispondenza.

Ix-xhieda sussegwenti tal-Membri oħra tal-Kummissjoni Elettorali, Victor Scerri u Joseph Zammit Maempel, kienet sostanzjalment l-istess bħal dik ta’ Ray Zammit.

Xhud ieħor kien Paul Sammut, ukoll Membru tal-Kummissjoni Elettorali. Sammut qal li r-rwol tas-sottokumitat kien wieħed li jiġbor evidenza u ma jagħtix rakkomandazzjonijiet f’forma ta’ rapport. Id-deċiżjoni dwar ħtija jew le, tibqa’ f’idejn il-Kummissjoni Elettorali.

Mistoqsi dwar it-tħassib rigward il-possibilta’ li l-liġi tmur kontra l-Kostituzzjoni, Paul Sammut qal li la l-liġi għaddiet mill-Parlament, il-Kummissjoni Elettorali għandha tħaddimha kif approvata mill-leġislatur.

Xehdu wkoll id-Dekan tal-Fakulta’ tal-Liġi fl-Universita’ ta’ Malta, il-Professur Kevin Aquilina u l-Avukat Tonio Borg li kkonfermaw li f’kitbiet fil-ġurnali, kienu esprimew it-tħassib tagħhom dwar din il-parti tal-liġi tal-Finanzjament tal-Partiti li aktarx qed tmur kontra l-Kostituzzjoni.

Il-każ ikompli.

L-Avukat Jason Azzopardi qed jidher f’isem il-Partit Nazzjonalista filwaqt li l-Professur Ian Refalo qed jidher għall-Kummissjoni Elettorali.